The Malta Observatory on Femicide tikkundanna n-nuqqas ta' sensittività fil-ġuri ta' Simone Grech

L-inizjattiva tfakkar li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tipprojbixxi milli jintuża l-passat tal-vittma u tax-xhieda biex itappan il-kredibbilità tagħhom 

The Malta Observatory on Femicide, inizjattiva ta' Women's Rights Foundation u l-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika tinsab imħassba fuq numru ta' nuqqasijiet dwar il-ġuri ta' Simone Grech, inkluż dwar attitudni li setgħu jkunu ta' ħsara għall-vittma u x-xhied, speċjalmenti dwar l-istil ta' ħajja tagħhom. 

Fost l-aktar ta' tħassib għalihom huwa l-fatt dan il-każ dam 18-il sena biex beda l-ġuri tiegħu. Apparti minn hekk, The Malta Observatory tinnota n-nuqqas ta' preservazzjoni adegwata ta' evidenza u fil-fatt li uħud mill-evidenza ma setgħetx tiġi preżentata fil-Qorti. 

"Ninsabu mħassba mmens fuq in-nuqqas ta' sensittività lejn il-vittma u x-xhieda, minkejja l-Konvenzjoni ta' Istanbul. Din b'mod ċar tisħaq li l-passat tal-vittmi m'għandhomx jintużaw biex itappnu r-reputazzjoni u l-kredibilità tal-vittma," sostnew il-membri ta' din l-inizjattiva, filwaqt li kkundannaw ċertu kummenti li ntqalu fil-Qorti dwar l-istil ta' ħajja tal-vittma u x-xhieda. 

Għaldaqstant, din l-inizjattiva qiegħda titlob lill-Qrati biex tħarreġ, b'mod kontinwu, lill-membri tal-ġudikatura fuq dimirjiethom, is-sensittività, ir-rekwiżiti tal-Konvezjoni ta' Istanbul u "attitudni li jistgħu jikkawżaw ħsara u impatti negattivi fuq l-isterjotipi tal-ġeneru." Hija għamlet l-istess talba lill-Kamra tal-Avukati u l-Fakultà tal-Liġi, biex tipprovdi taħriġ kontinwu lill-avukati u dawk li jaħdmu fil-kamp legali.

Fl-aħħar hija talbet lill-Istat biex joħloq kampanja ta' kuxjenza fuq il-Konvenzjoni u għal aktar kompassjoni lejn l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà. 

More in Kronaka