Investiment ta' €350,000 : Erba' vetturi elettriċi, sitt muturi ġodda u ilbies protettiv ġdid għal-LESA

Il-Ministru Camilleri saħaq li dan l-investiment se jtejjeb is-servizz tal-Aġenzija u toffri servizz aħjar lis-soċjetà

Illum ġew inawgurati erba' vetturi elettriċi u sitt muturi għall-Aġenzija LESA, flimkien ma' lbies protettiv għall-ħaddiema, b'investiment ta' €350,000. Dan sar bħala parti mill-pjan tal-Gvern u tal-istess aġenzija biex il-flotta ta' vetturi tal-LESA tinqaleb għal waħda aktar nadifa u li tniġġes inqas. Fl-istess ħin permezz ta' dan l-investiment, qed tingħata aktar għodda lill-istess aġenzija biex tkun aktar effiċjenti. 

Preżenti għall-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Intern, is-sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li, "l-LESA qed tkompli tinvesti fiha nnifisha u fil-ħaddiema tagħha biex toffri servizz aħjar lis-soċjetà tagħhna. Minn issa ’l quddiem se tibdew taraw lil dawn il-ħaddiema jużaw kemm vetturi elettriċi u anke muturi oħrajn ġodda flimkien ma’ lbies protettiv meta jkunu qed iduru fil-lokalitajiet tagħna. B’dan il-mod, l-aġenzija qed tiżgura wkoll li tkompli ttejjeb is-servizz tagħha."

Intant il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores qal li "permezz ta’ dan l-investiment, l-aġenzija qed tinvesti fl-operat sabiex tkun aktar effiċjenti u twessa’ s-servizzi tagħha fil-komunità. Iżda fuq kollox, l-aġenzija qed tinvesti fil-ħaddiema tagħha u anke tilħaq il-mira tal-gvern li tmur lejn il-qalba għal trasport aktar nadif.”

Iż-żewġ investimenti saru wara proċess ta’ tender rigoruż, sabiex jilħqu l-aspettattiva tal-aġenzija.

More in Kronaka