Daħal ġo appartament, rabat tnejn minn nies, heddidhom u serqilhom ammont ta' flus

Tnejn minn nies jispiċċaw l-Isptar wara din is-serqa... il-Pulizija jaqbdu lill-ħalliel ftit wara

Illum, għal xi nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’appartament fi Pjazza Toni Bajada, in-Naxxar.  Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-investigazzjonijiet irriżulta li raġel daħal fir-residenza, waqt li ġewwa kien hemm Olandiż ta’ 42 sena u Franċiża ta’ 29 sena.

Allegatament, ir-raġel rabathom, talabhom jagħtuh xi flus u affarijiet oħra filwaqt li beda jheddidhom b’arma tan-nar kif ukoll allegatament ta daqqa ta’ sikkina lill-Olandiż.

Wara li seraq ammont ta’ flus u oġġetti oħra, huwa ħarab minn fuq il-post.

Tim mediku ta l-assistenza u ambulanza ħadet  lir-raġel u lil mara l-Isptar Mater Dei minħabba ġrieħi li sofra r-raġel u x-xokk li sofriet il-mara.

Il-Pulizija mill-ewwel bdiet bi tfittxija għall-aggressur u waqt li kienu fi Triq San Pawl, raw raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat. Għalhekk, avviċinawh u malli nduna bil-pulizija huwa deher jaħbi baskett ġo parapett. Il-Pulizija kkonfermaw is-suspett li kellhom fih, waqfuh, għamlulu tfittxija u ġol-baskett, instabet arma tan-nar, fost oġġetti oħra.

Minn iżjed stħarriġ, il-Pulizija stabbiliet li l-allegat aggressur kellu l-vettura tiegħu pparkjata fi Triq il-Parroċċa. Fil-vettura, li kienet bla pjanċi tar-reġistrazzjoni, nstabet sikkina, fost oġġetti oħra. Ir-raġel, li huwa mis-Serbja u għandu 26 sena, ittieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.

Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. 

More in Kronaka