Aġġornata | Akkużat jirnexxielu jaħrab mill-binja tal-Qorti; Il-Pulizija ssibu ftit wara fl-Imġarr

Iż-żagħżugħ sparixxa ftit qabel kellu jidher quddiem il-Maġistrat u l-Pulizja sabitu barra l-binja tal-Qorti ftit wara

Żagħżugħ Taljan sparixxa fil-Qorti ftit qabel kellu jidher quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo akkużat b’serq ta’ vetturi fl-Imġarr u anke fil-Mosta. Huwa nstab ftit wara fl-Imġarr.

Il-każ kien se jibda iżda kellu jkun sospiż meta l-Prosekuzzjoni indunat li ż-żagħżugħ, li sa ftit qabel kien qiegħed jistenna barra l-awla, ma kienx jidher.

Huwa ġie arrestat ilbieraħ fl-Imġarr u kellu jitressaq il-Qorti llum f’nofsinhar.

L-akkużat deher l-aħħar fil-kuritur quddiem l-awla tal-Maġistrat Noel Bartolo, jistenna biex jitressaq. Ovvjament, iż-żagħżugħ kellu l-għassa miegħu.

Meta l-każ kien se jibda, l-Ispettur Godwin Scerri ħareġ biex isejjaħ lill-akkużat. Huwa rritorna ftit wara u informa lill-Qorti li l-uffiċjali li kienu qed jeskortaw liż-żagħżugħ qalulu li ma setgħux isibuh.

Il-Maġistrat insista li l-każ ma setax jibda jekk l-akkużat ma jkunx preżenti u dan anke jekk l-akkużi kienu diġà ġew irreġistrati.

Is-seduta ġiet sospiża, bil-Maġistrat jinforma lill-Prosekuzzjoni li l-akkużi jridu jiġu rtirati biex il-każ ikun jista’ jerġa’ jibda malli jinstab iż-żagħżugħ.

Ftit wara, il-Pulizija kkonfermat dan il-każ u qalet li ż-żagħżugħ irnexxielu jaħrab barra mill-Qorti. Eventwalment huwa nstab l-Imġarr u ġie arrestat. Apparti l-akkużi ta' serq, issa ġie akkużat ukoll li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija.

Aktar qabel

Żagħżugħ ġie arrestat ilbieraħ b’rabta ta’ serq minn diversi vetturi fl-inħawi tal-Imġarr u l-Mosta.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat kif waqt fonda fi Triq Sir Harry Luke, fl-Imġarr, ilbieraħ waranofinhar, innutat persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat ta’ raġel li kien qiegħed idur b’mod suspettuż ma’ xi vetturi.

Il-Pulizija arrestatu minnufih u ġie identifikat li huwa Taljan ta’ 25 sena residenti l- Imġarr. 

Minn tfittxija li saret fuqu u fil-vettura li kien qiegħed juża, ġew elevati diversi oġġetti suspettati li ntużaw fis-serq, fosthom turnaviti. 

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum.

More in Kronaka