15-il mara minn kull sfera tas-soċjetà jaqsmu l-istorja tas-suċċess f'ħajjithom fi ktieb

L-Ispeaker Anglu Farrugia qal li dawn n-nisa huma eżempju tal-importanza tal-irwol tal-mara fis-soċjetà

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, mexxa t-tnedija tal-ktieb ‘Resilient Women: Conversations about mastering life’pubblikazzjoni li tiġbor esperjenzi ta’ 15-il mara Maltija dwar is-suċċess f’ħajjithom. Dawn huma nisa fin-negozji, fil-politika, reliġjużi, social worker, fiżjoterapista u f’ħidma favur l-immigranti u r-refuġjati, attriċi, dentista b’impenn favur id-drittijiet fundamentali tal-persuna umana u favur id-dritt għal ħajja.

Matul id-diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker irrefera għal ġrajjiet tal-imgħoddi ta’ Malta biex juri li l-poplu Malti hu reżiljenti. Minkejja li l-mexxejja tal-poplu Malti talbu mingħand il-Brittaniċi drittijiethom, hu fakkar li kellu jinxtered id-demm tal-Maltin u Għawdxin biex il-qawwiet militari Brittaniċi f’pajjiżna jintebħu li l-Maltin u l-Għawdxin kellhom jingħataw xi forma ta’ awtonomija. Fl-1921, il-Gżejjer Maltin ingħataw Gvern Responsabbli bl-elettorat ikun wieħed ristrett għal numru żgħir ta’ rġiel, l-ekkleżjastiċi, sidien kbar tal-proprjetà, negozjanti u professjonisti. Malta kellha tistenna sal-1964 biex kisbet l-indipendenza u jitwaqqaf l-Istat ta’ Malta.

L-Ispeaker spjega li kienu bosta li ppruvaw inisslu dubji jekk pajjiżna, għax żgħir, kellux il-fakultajiet kollha biex jaqdi l-obbligi fil-qasam ta’ relazzjonijiet internazzjonali u jekk kienx vijabbli ekonomikament bħala nazzjon sovran, awtonomu u indipendenti. Madanakollu qal li ħadd ma jista’ jiċħad li mill-1964 sal-lum, il-Gżejjer Maltin imxew ’il quddiem, tant li minn ekonomija li kienet tiddependi fuq kollox mid-dħul li kien ġej mill-bażijiet militari tal-barrani, "l-ekonomija Maltija kibret, l-iżvilupp tkattar u nkiseb livell ta’ żvilupp uman fost l-aqwa fid-dinja. Minkejja d-diffikultajiet, il-poplu Malti jemmen fil-kapaċitajiet tiegħu, u għax determinat li qed jagħmel it-tajjeb, bieżel u perseveranti, kapaċi jegħleb kull diffikultà b’sagrifiċċju, biex jinkisbu r-riżultati u s-suċċessi." 

Waqt li rrefera għal nisa reżiljenti Maltin, semma fost nisa fl-istorja lil Mabel Strickland li waqqfet il-gazzetta ta’ kuljum, Times of Malta, u lil Agatha Barbara, l-ewwel deputat mara fil-Parlament fl-1947, fl-1955 l-ewwel ministru mara u bejn l-1982 u l-1987 l-ewwel mara president ta’ Malta.

"L-eżempji miġburin f’dan il-ktieb juru l-importanza tas-sehem tal-mara fis-soċjetà, bl-awtoritajiet għandhom jagħtu sehemhom biex fejn hemm ħtieġa ta’ interventi u għajnuna lill-mara Maltija, dawn isiru u jingħataw," ikkonkluda d-diskors tiegħu l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia.

More in Kronaka