Qed tagħmel xita... Imma qed tpatti għal wieħed mill-aktar Ottubru xott u b'ħafna xemx

Irreġistrati aktar sigħat xemxin, inqas riħ u temperaturi ogħla mis-soltu 

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

Dan l-aħħar jiem, fl-aħħar, ingħatajna togħma tax-xhur kesħin li ġejjin. Madankollu, t-temp bħal donnu qed ipatti għax-xahar ta' Ottubru. Dan għaliex, skont rapport mill-Uffiċċju Meteoroloġiku, Ottubru ġab miegħu temp xott u xemxi, bl-ammont totali ta' sigħat xemxin jisboq in-norma klimatika tax-xahar ta' 217.7-il siegħa bi ftit aktar minn 51 siegħa. Tant hu hekk li dan ix-xahar tniżżel bħala l-10 l-aktar ottubru xott hekk kif tkejlu biss 18.6mm xita simili għall-istess xhar fl-1944 (19.3mm), l-1987 (19.2mm) u l-2004 (19.8mm). Dan b'kuntrast għan-norma klimatika tal-aħħar snin ta' 77.6mm. 

Filwaqt li fl-aktar jum xemxi ta' Ottubru tkejlu 10.6 sigħat xemxin, fl-aktar jum mudlam tkejlu biss 0.4 siegħa, hekk kif l-unika maltempata bis-sajjeti tax-xahar laqtet lill-gżejjer Maltin. Dakinhar l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 18.4mm xita f'Ħal Luqa. 

F’Ottubru ġew irreġistrati wkoll temperaturi sħan, li rriżultaw minn żona ta’ pressjoni għolja persistenti fuq il-gżejjer Maltin u l-parti l-kbira tal-Baħar Mediterran. Sbatax-il jum f’Ottubru rreġistraw temperaturi massimi li kienu ogħla min-norma, bit-temperatura massima medja tax-xahar taqbeż in-norma klimatika ta’ 25.0°C b’0.4°C. Filwaqt li l-ogħla temperatura li tkejlet f’Ottubru kienet 28.6°C, it-temperatura minima niżlet għal 15.7°C u ġiet irreġistrata fuq jumejn konsekuttivi.

F’Ottubru t-temp kien ukoll aktar kalm milli mistenni, fejn il-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 5.9 knots minflok in-norma ta’ 7.4 knots. Il-buffura massima ta’ Ottubru laħħqet it-33 knot mid-direzzjoni tal-Majjistral.

More in Kronaka