Inċident ieħor! Żagħżugħ bi ġrieħi serji u tnejn oħra l-Isptar wara ħabta fix-Xewkija

Wieħed iweġġa' serjament, l-ieħor ħafif u l-kundizzjoni tat-tielet żagħżugħ għadha mhux magħrufa...

Illum, għal xis-00:45 a.m il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija, Għawdex.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Starlet, misjuqa minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti x-Xewkija, u Suzuki Swift, misjuqa minn raġel ta’ 23 sena residenti x-Xagħra. Konsegwenza tal-impatt, is-Suzuki ħabtet ukoll ma’ ħajt. Fit-Toyota, kien hemm ukoll żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti x-Xewkija. Fuq il-post issejaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanzi ħadu t-tliet persuni l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, ir-raġel ta’ 23 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament, il-ġuvni ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif, filwaqt li l-kundizzjoni taż-żagħżugħ ta’ 18-il sena għadha pendenti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

More in Kronaka