Jammetti li xerred fuq Instagram filmati pornografiċi tal-eks sieħba tiegħu

L-akkużat saħansitra bagħat l-istess filmati lill-ħbieb tal-vittma

Raġel ta’ 44 sena mix-Xgħajra ammetta li xerred filmati pornografiċi tal-eks tfajla tiegħu fuq Instagram.

Isem ir-raġel ma jistax jissemma biex tkun protetta l-identità tal-vittma. 

Hu mifhum li r-raġel kien ġibed filmati ta’ dik li kienet is-sieħba tiegħu waqt li kienet qed tagħmel affarijiet fuqha nnifisha u aktar tard xerridhom fuq Instagram u anke bagħathom lil sħabha wara li ma baqgħux flimkien.

L-akkużat deher quddiem il-Maġistrat Josette Demikola dalgħodu akkużat b’akkużi ta’ revenge porn fost oħrajn.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li r-raġel ikkopera magħha u ammetta minnufih l-akkużi.

Huwa saħansitra ta aċċess lill-Pulizija għall-kontijiet tal-gmail u Instagram tiegħu biex ikunu jistgħu jneħħu l-materjal.

L-akkużat lanqas ried Avukat u xtaq iwieġeb ħati minnufih iżda skont il-liġi, il-Qorti ħatret għalih Avukat tal-Għajnuna Legali.

Huwa wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. 
 

More in Kronaka