Anzjana ta' 72 sena fil-periklu tal-mewt wara li tintlaqat minn mutur

L-inċident seħħ fi Triq il-Wied Birkirkara...

Illum, għal xi nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Wied, Birkirkara.

Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li mara ta’ 72 sena residenti n-Naxxar, intlaqtet minn mutur tal-għamla Honda misjuq minn raġel ta’ 22 sena residenti l-Mosta. Konsegwentement, is-sewwieq tal-mutur waqa’ minn fuqu iżda l-istess mutur baqa' jitkaxkar u kellu impatt ma' Renault, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 44 sena residenti x-Xewkija, Għawdex.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-anzjana l-Isptar Mater Dei sabiex tingħata l-kura meħtieġa, fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.

Is-sewwieqa tal-vettura u tal-mutur ma weġġgħux. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka