Sewwieq jitlef il-kontroll u jtajjar erba' persuni li kienu qed jistennew Tal-Linja

Anzjana ta' 62 sena tinsab fil-periklu tal-mewt

Ħames persuni ddaħħlu Mater Dei wara inċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu fi Triq it-Tempesta, il-Qrendi.

L-inċident seħħ meta raġel ta' 44 sena tilef il-kontroll tal-karozza u daħal ġo karozza oħra pparkjata.

Mad-daqqa, il-karozza pparkjata daħlet f'stejġ tal-linja u laqtet erba' persuni tliet nisa ta’ 62, 66 u 68 sena u raġel ta’ 88 sena, kollha residenti l-Qrendi.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanzi ħadu l-persuni kollha l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, il-mara ta’ 62 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li l-kundizzjoni tal-erbgħa l-oħra għadha pendenti.

Il-Maġistrat tal-Għassa ġie infurmat u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin

More in Kronaka