Ħabs għal żewġ persuni li attakkaw mara anzjana b'ganċ tal-ħadid

Il-każ seħħ f’Settembru 2019 bil-mara tispiċċa b'idha miksura fi tliet bnadi

Ħalliela magħrufa u eks uffiċjal tal-pulizija, ingħataw sentenza ta’ ħabs wara li nstabu ħatja li attakkaw mara anzjana b’ganċ tal-ħadid, kissrulha idejha fi tliet bnadi u serquha.

Iż-żewġ akkużati, mara u raġel, kienu wieġbu mhux ħatja tal-akkużi meta tressqu l-Qorti f’Settembru 2019.

Il-vittma kienet mara anzjana mill-Maċedonja li kienet miexja f’Tas-Sliema meta waqqfet ħdejha karozza u żewġ persuni bdew jgħajtu magħha u jordnawlha tatihom il-baskett.

Il-mara rrifjutat iżda wieħed mill-akkużati kien niżel u sawwatha b’ganċ tal-ħadid u kkawżawlha ksur f’idha.

Fil-Qorti, intwera filmat ta’ dan l-attakk. Il-mara tidher tispiċċa mixħuta mal-art. Hija kellha bżonn tiddaħħal Mater Dei.

Iż-żewġ akkużati kienu ġew arrestati ftit tal-jiem wara. It-tnejn li huma bdew iweħħlu f’xulxin għal dak li ġara.

Fil-Qorti kien inqtal kif bil-flus li serqu mill-mara, l-akkużati xtraw id-droga. Fil-baskett kien hemm xi oġġetti oħra tal-mara, inkluż mowbajl u passaport li kienu nstabu mormija fi skip. Kien wieħed mill-akkużati li informa lill-Pulizija fejn kienu ramew l-oġġetti misruqa.

Il-mara ngħatat sentenza ta’ tmien snin ħabs hekk kif il-Qorti biddlet sentenza oħra ta’ sentejn ħabs sospiżi, għal waħda effetiva. Kienet ordnata tagħti kumpens ta’ €6,000 lill-vittma

Ir-raġel ukoll ingħata sentenza ta’ ħames snin ħabs. Anke hu kien ordnat jagħti kumpens ta’ €3,000 lill-vittma.

More in Kronaka