Ikomplu l-battibekki bejn l-MUT u t-tmexxija tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir

L-MUT tisħaq li diversi ġenituri qed ifittxu skejjel alternattivi għall-uliedhom, fid-dawl ta' nuqqas ta' preparamenti min-naħa tal-Kulleġġ

Il-Kulleġġ San Albert il-Kbir qed jisħaq li minkejja d-diversi attentati għal diskussjoni mal-Malta Union of Teachers (MUT), bil-għan li tiġi solvuta t-tilwima industrijali, "fl-aħjar interess tal-istudenti u l-istaff," sal-lum il-ġurnata din il-laqgħa ma saritx. Insista wkoll li l-kwistjoni tal-liċenzja, li dwarha qed tisħaq l-MUT, se tkun solvuta dalwaqt.

Dan ħareġ fid-dawl ta' stqarrija tal-MUT li fiha l-unjin saħqet li l-liċenzja tal-iskola kienet f'idejn Mario Mallia u "meta tneħħa mill-Kulleġġ wassal biex l-iskola tilfet il-liċenzja li topera biha." Hawn il-Kulleġġ jinnota li l-kwistjonijiet dwar il-liċenzja ilhom għaddejjin għal aktar minn sena. "L-amministrazzjoni diġà tkellmet mal-awtoritajiet kompetenti u din il-problema ser tkun solvuta qabel il-ftuħ tas-sena skolastika," qal il-Kulleġġ.

Apparti minn hekk l-MUT saħqet li r-Rettur qed jagħti l-impressjoni lill-kommunità tal-iskola li l-preparazzjonijiet għall-bidu tas-sena skolasitka ġdida għaddejin ġmielhom, "meta dan mhux minnu". L-MUT innotat li t-timetable tal-iskola ma ddaħlitx fis-sistema filwaqt li preparamenti oħra, għalkemm qed isiru, għadhom lura. Għal dan il-Kulleġġ irrisponda li saru diversi attentati min-naħa tar-Rettur u tal-Provinċjal biex it-timetable tkun mgħoddija. Minkejja dan, "l-attentati ma ħallewx il-frott mixtieq minħabba d-direttivi tal-Unjin."  

"L-MUT hu infurmat li diversi ġenituri qed ifittxu skejjel alternattivi għal uliedhom. Sfortunatament it-tfal se jkunu dawk li jbagħtu mid-deċiżjonijiet tar-Rettur u l-bord," qalet l-MUT. Dan filwaqt li żiedet tgħid li r-Rettur ħatar persuna bil-għan li tfassal laqgħat mal-ġenituri "biex tibni stampa aħjar ta' dak li qed jiġri u tkun bħala medjatur għall-kritika. Huwa talab għall-għajnuna ta' Uffiċjal pubbliku biex jagħtih xi pariri fuq dan ir-rigward filwaqt li jattendi għal-laqgħat huwa wkoll.

Minn naħa tiegħu l-Kulleġġ saħaq li se jibqa' miftuħ għad-diskussjoni mal-MUT biex tiġi evitata pressjoni żejda fuq l-istudenti u l-membri tal-istaff. Madankollu jidher li minkejja l-isforz tal-Kulleġġ, it-tilwima industrijali u d-direttiva se jibqgħu. Dan filwaqt li talbu għar-riżenja tar-Rettur u l-Bord. 

More in Kronaka