Tliet persuni ġew arrestati wara li f’Lulju li għadda pprovaw jagħtu n-nar lil dgħajsa li kienet sorġuta f’Tas-Sliema.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-Arsons Unit fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri kien ilu mid-29 ta’ Lulju jinvestiga dan il-każ.
Fil-fatt, dakinhar, il-Pulizija kienu rċevew rapport li xi persuni waddbu oġġett jaqbad fuq dgħajsa li kienet sorġuta mal-moll.
In-nirien intfew minnufih minn persuni li nzertaw fiż-żona, filwaqt li l-membri mid- Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili żguraw li ma kienx hemm aktar periklu.
Minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li wasslu għall-arrest tal-persuni msemmija.