Jgħid li ħebb għal żewġ pulizija għax ħasibhom żewġ ħallelin li kienu għadhom kemm attakkawh

Ir-raġel ammetta l-akkużi u qal li ħebb għall-Pulizija għax għaxar minuti qabel żewġt irġiel liebsa l-iswed bħall-Pulizija kienu għadhom kemm attakkawh b'sikkina

Raġel ammetta li attakka żewġ uffiċjali tal-Pulizija f’San Pawl il-Baħar għax qal li ħasibhom żewġ persuni li ftit qabel kienu għadhom kemm attakkawh b’sikkina.

Ir-raġel li għandu 44 sena, ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih fosthom li rreżista bi vjolenza żewġ uffiċjali tal-Pulizija, f’inċident li seħħ fl-1 ta’ Awwissu fi Triq Efesu f’San Pawl il-Baħar.

L-Ispettur Matthew Galea qal lill-Maġistrat Charmaine Galea kif iż-żewġ uffiċjali marru fuq il-post wara rapport li kien hemm ġlieda f’bar partikolari.

Spjega kif meta waslu, is-sid tal-bar irreżista lill-Pulizija u kkawżalhom ġrieħi ħfief.

L-Avukata Rachel Tua, li qed tidher għall-akkużat, qalet li l-klijent tagħha refa’ jdejh fuq il-Pulizija għax ħasibhom żewġt irġiel li ftit qabel attakkawh b’sikkina.

Qalet li meta ħabbat il-bieb, ir-raġel fetaħ u minnufih ħebb għall-Pulizija għax ħaseb li ż-żewġ persuni li attakkawh qabel kienu rritornaw. Qalet li ż-żewġ uffiċjali, kienu liebsa l-iswed, l-istess kif kienu ż-żewġ l-irġiel li attakkawh.

Il-Qorti sabet lir-raġel ħati u tatu sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena.

Kien ordnat iħallas ukoll €4,000 multa u ma jersaqx lejn iż-żewġ pulizija.

More in Kronaka