It-tmexxija tal-Isptar taqla' ċamata minħabba 'trattament inuman' lill-Ġinekologu Megally

Il-Ġinekologu li juża s-siġġu tar-roti minħabba diżabilità fiżika kien inġarr il-barra mill-kamra tal-ultrasounds waqt li qed jara l-pazjenti biex tkun tista' tintuża minn professjonisti oħra

L-Imħallef Grazio Mercieca kellu kliem iebes għat-tmexxija tal-Isptar Mater Dei u dan minħabba l-mod kif kien ġie trattat l-ispeċjalista Naged Megally li huwa persuna b’diżabilità.

Kien Megally stess li fetaħ il-Każ Kostituzzjonali jisħaq li d-drittijiet tiegħu ġew miksura u dan għax meta kien qed jara l-pazjenti tiegħu kien inġarr ‘il barra mill-kamra biex ikun jista’ jużaha ħaddieħor.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ddeskriviet dan it-trattament bħala wieħed inuman u degradanti.

Il-Qorti ordnat biex l-ispeċjalista li jaħdem fid-Dipartiment tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija jingħata kumpens ta' €5,000.

L-ispeżjalista Megally juża siġġu tar-roti u kien fetaħ proċeduri lura fl-2018.

Huwa kien qed jagħmel ultrasound lil waħda mill-pazjenti tiegħu meta kien daħal fil-kamra l-Professur Yves Muscat Baron (kap tad-dipartiment) u ordnalu joħroġ ‘il barra ħalli l-kamra tintuża minn ħaddieħor.

Megally talbu biex l-ewwel jitħalla jlesti x-xogħol li kellu, iżda, skont l-ispeċjalista, is-superjur tiegħu rrifjuta għax qallu li kien qed idum ma jlesti minħabba d-diżabbiltà tiegħu. 

Kien hawn li kienet ingħatat ordni lil ħaddiema tal-isptar biex fiżikament iġorruh ‘il barra mill-kamra. Dan l-inċident kien ikkonfermat minn pazjenta stess li dak il-ħin Dr. Megally kien qed jinvista.

Megally allega li l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta’ dak iż-żmien, Ivan Falzon, heddu biex ma jkomplix bl-ilment tiegħu dwar din il-kwistjoni, u qal li kien heddu li jekk hu kien se jkabbar l-istorja kien se jitlef ix-xogħol tiegħu.

L-ispeċjalista ressaq ilment formali mal-Ministeru tas-Saħħa, li ordna li ssir inkjesta interna. L-inkjesta sabet li Megally ma kienx ġie ddiskriminat. Madanakollu Megally allega li l-inkjesta ma kinitx ġusta għax il-persuni magħżula fil-bord kellhom jinvestigaw lis-superjuri tagħhom stess u kien insista li ma kinitx trasparenti.

Megally kien akkużat ukoll mis-superjuri tiegħu li ma kienx qed jagħmel xogħlu sew minħabba d-diżabbiltà u finalment ġie sospiż minn xogħlu f’Ottubru tas-sena l-oħra. 

Fis-sentenza mogħtija llum, il-Qorti qalet li Megally huwa professjonist li kapaċi jaqdi dmiru bħal ħaddieħor, u li huwa kien ġie żgumbrat mill-klinika u sospiż minn xogħlu minħabba d-diżabbiltà tiegħu. 

Għalhekk il-Qorti ordnat li s-sospensjoni tiġi rtirata u li Megally jingħata lura x-xogħol li kellu, kif ukoll li t-tmexxija tal-isptar tħallsu €5,000 f’kumpens għad-danni.

More in Kronaka