Fuq il-Baħar - Moħħok Hemm... TM tniedi kampanja għall-imġieba prudenti fuq il-baħar

L-użu tal-life jackets, id-daqq ta' mużika fuq il-baħar u l-veloċità eċċessiva fost it-temi li fuqhom se tiffoka din il-kampanja 

Is-sajf Malti jġib miegħu influss qawwi ta’ nies li jagħmlu użu mill-kosta biex iqattgħu ftit tal-ħin ħdejn il-baħar. B’hekk huwa importanti li wieħed igawdi dawn iż-żoni b’mod xieraq u prudenti, mingħajr ma jkun ta’ periklu għalih jew għal nies oħra madwaru.Hekk stqarr il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt tnedija ta’ kampanja edukattiva li se tkun qed titmexxa minn Transport Malta (TM) bl-isem ta’ Fuq il-Baħar, Moħħok Hemm. L-iskop ewlieni ta’ din il-kampanja huwa li toħloq għarfien ta’ kif wieħed jista’ jġib ruħu b’mod xieraq u prudenti fuq il-baħar - b’mod speċjali tul ix-xhur tas-sajf.

Il-Ministru Farrugia qal li filwaqt li l-edukazzjoni hija importanti, l-infurzar jassigura li r-regoli qed jiġu segwiti u b’hekk irringrazzja lill-uffiċjali tal-Infurzar Marittimu ta’ Transport Malta li jaħdmu qatigħ b’mod speċjali tul ix-xhur tas-sajf biex iżommu l-ibħra Maltin siguri.

"Ħafna minn dan ix-xogħol iġib miegħu ħinijiet twal ‘il bogħod mill-familja u f’temp li ma jgħinx biex wieħed jaħdem fuq barra," qal il-Ministru Farrugia. Huwa saħaq ukoll li l-Gvern huwa kommess li jaħdem fuq kull livell biex tiżdied is-sigurtà u rrimarka li l-imġiba kollettiva hija essenzjali kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art.

Il-kampanja ta’ din is-sena se tkun qed tiffoka fuq dawn il-punti:

  • L-użu tal-life jackets.
  • L-użu xieraq ta’ mollijiet u slipways.
  • L-Avviżi lill-Baħħara.
  • Il-fairways.
  • L-immaniġġjar tal-iskart fuq il-baħar.
  • Id-daqq ta’ mużika fuq il-baħar.
  • Veloċità eċċessiva.
  • L-użu xieraq ta’ swimmer designated zones.
  • L-irbit tad-dgħajjes.
  • It-trasport ta’ dgħajsa fuq karru.
  • L-użu xieraq tal-kill chord.
  • It-tindif tad-dgħajsa.

More in Kronaka