Arrestat raġel li seraq flus minn ħanut f'Birkirkara

Ir-raġel ġie identifikat mill-kameras tas-sigurtà

Il-Pulizija arrestat raġel li allegatament daħal jisraq minn ħanut fi Triq San Tumas, il-Furjana.

Is-serqa seħħet ilbieraħ għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar.

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt marret fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel daħal fil-ħanut, ħataf xi flus li kien hemm fuq il-bank tal-ħanut u ħarab minn fuq il-post b’karozza.

Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet fejn ġiet identifikata l-vettura u min seta kien qiegħed jagħmel użu minnha.

Għalhekk, il-Pulizija tad-Distrett flimkien mar-Rapid Intervention Unit (RIU) bdew tfittxija u għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, ġie arrestat raġel fi Triq San Ġużepp il-Belt Valletta. Ir-raġel kien liebes ħwejjeġ identiċi għal dawk li deher liebes is-suspettat fil-filmati tas-sigurtà waqt is-serqa.

L-arrestat li għandu 58 sena, qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l- Furjana għal aktar investigazzjonijiet.

Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum.

More in Kronaka