L-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet Emergency Conservation Order biex tipproteġi l-eks fabbrika tal-pajpijiet fi Triq Garrick, il-Marsa, waqt li qed tikkunsidra jekk is-sit għandux jiġi skedat bħala proprjetà protetta.
Il-miżura, ippubblikata taħt id-Development Planning Act 2016, tidħol fis-seħħ immedjatament u se tibqa’ valida għal 12-il xahar.
L-Awtorità qalet li “t-telf, jew telf parzjali, tas-sit iwassal għal telf irriversibbli ta’ element importanti tal-wirt kulturali ta’ Malta”.
Is-sit ġie wkoll ikklassifikat bħala “heritage at risk”, klassifikazzjoni li tingħata lil proprjetajiet mhedda minn deterjorazzjoni, negliġenza jew intervent mhux xieraq.
Taħt l-ordni, huma pprojbiti immedjatament demolizzjoni, skavar, żvilupp, rimi ta’ materjal, ċaqliq ta’ ħamrija u kull tibdil mhux awtorizzat.
Kull xogħol fis-sit, inkluż interventi fuq finituri interni u tagħmir, jeħtieġ approvazzjoni minn qabel tal-Awtorità tal-Ippjanar, b’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Elementi differenti tas-sit ġew klassifikati bħala proprjetà skedata ta’ Grad 1, Grad 2 u Grad 3, skont il-livell ta’ importanza storika u arkitettonika tagħhom.
Is-sidien jibqgħu responsabbli għall-manutenzjoni kontinwa tas-sit permezz ta’ programm formali ta’ manutenzjoni.
Kull xogħol għandu jkun sorveljat mill-Awtorità tal-Ippjanar u mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, bl-ispejjeż jitħallsu mis-sid, u għandu jsegwi standards rikonoxxuti taħt konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-UNESCO.
L-ordni se tibqa’ fis-seħħ għal sena mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha. Ksur tal-kundizzjonijiet jista’ jwassal għal azzjoni ta’ infurzar u pieni taħt id-Development Planning Act 2016.