‘Il-ġonna ma jiġġustifikawx il-bini sfrenat’

L-inawgurazzjoni ta’ ġnien mill-Ministru Miriam Dalli spiċċat b’residenti jitolbu l-għajnuna kontra l-iżvilupp eċċessiv – is-Sindku jgħid li l-Kunsill għandu jirrappreżenta lir-residenti, mhux lill-iżviluppaturi 

Dak li kellu jkun ċelebrazzjoni ta’ proġett ambjentali ġdid fil-Qrendi spiċċa fi protesta kontra l-iżvilupp eċċessiv, hekk kif ir-residenti wasslu messaġġ ċar lill-Ministru Miriam Dalli: il-ħolqien ta’ ġonna u spazji ħodor ma jistax jiġġustifika l-bini bla rażan li, skonthom, qed jhedded il-karattru tar-raħal. 

Il-protesta paċifika tal-Ġimgħa waqt l-inawgurazzjoni ta’ ġnien ġdid xeħtet dawl fuq il-kuntrast bejn il-proġetti ta’ tisbiħ u t-tħassib dejjem jikber dwar l-iżvilupp fil-lokalità. 

Sadanittant, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi, immexxi minn maġġoranza Laburista, qed iħejji rappreżentazzjonijiet formali dwar l-applikazzjoni PC/00053/26. 

Is-Sindku David Schembri qal li l-Kunsill qed jaġġorna dossier imħejji minn esperti fil-wirt storiku, l-ippjanar u l-arkitettura tal-pajsaġġ, biex jitressaq sal-1 ta’ Diċembru. 

Spjega li dossier simili kien tħejja bejn sitt u tmien snin ilu dwar applikazzjoni għall-istess żona. Għalkemm ir-rappreżentazzjonijiet preċedenti għadhom validi, il-Kunsill iddeċieda li jaġġornahom. 

Schembri enfasizza li din il-ħidma kienet bdiet qabel il-protesta, li ddeskriva bħala paċifika. Qal li wara l-attività qatta’ madwar 45 minuta jiddiskuti ma’ wieħed mill-organizzaturi. 

Saħaq li mhux se jiċċensura lil ħadd milli jressaq oġġezzjonijiet u li l-Kunsill għandu jirrappreżenta lir-residenti, mhux lill-iżviluppaturi, filwaqt li jżomm pożizzjoni imparzjali. 

Dalli: Il-bini fl-irħula żgħar ma jistax jibqa’ jiżdied 

Meta din il-kamra tal-aħbarijiet ikkuntattjat lit-tim tal-komunikazzjoni tal-Ministru Miriam Dalli għal kumment, intbagħat filmat tal-iskambju tagħha mar-residenti, bl-indikazzjoni li l-kumment kellu jittieħed minn dak il-filmat. 

Dalli sostniet li l-art inkluża fiż-żoni tal-iżvilupp permezz tar-razzjonalizzazzjoni tal-2006 għandha tkun biżżejjed u li ma jistax jibqa’ jinbena blokk appartamenti wara ieħor, partikolarment fl-irħula żgħar. 

Hija fakkret li l-ġnien li kien qed jiġi inawgurat inħoloq minn barriera li kien fiha madwar 20,000 metru kubu ta’ radam. 

Madankollu, mistoqsija jekk kinitx se toġġezzjona għall-iżvilupp propost, Dalli spjegat li bħala ministru ma tistax tindaħal fid-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

Hija qalet li tifhem it-tħassib tar-residenti u wiegħdet li se tkompli tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ bidliet, mhux biss fil-Parlament. 

Ir-residenti jridu azzjoni, mhux biss proġetti ta’ tisbiħ 

Għall-grupp Leħen il-Qrendi, tkellem Joseph Mamo, fejn qal li l-protesta kienet għajta għall-għajnuna kontra dak li ddeskriva bħala żvilupp bla rażan. 

Ir-residenti sostnew li l-proġetti ambjentali ma jneħħux it-tħassib dwar it-telf ta’ spazji miftuħa, il-veduti tal-knisja parrokkjali u l-karattru storiku tar-raħal. 

Huma wissew ukoll dwar pressjoni akbar fuq l-infrastruttura u snin ta’ trab, storbju u traffiku minħabba x-xogħlijiet proposti. 

Skont il-grupp, xi residenti saħansitra fittxew għajnuna medika minħabba t-tħassib li qed jikkawżalhom il-prospett tal-iżvilupp. 

Filwaqt li apprezzaw li Dalli waqfet tismagħhom, qalu li t-tweġibiet tagħha baqgħu ġenerali, mingħajr impenn konkret. Sal-ħin li taw il-kummenti tagħhom, ma kienet waslet l-ebda komunikazzjoni oħra mill-Ministru jew mill-awtoritajiet. 

Il-grupp saħaq li mhux qed jitlob indħil f’deċiżjonijiet individwali, iżda bidliet fil-politiki tal-ippjanar. Aktar informazzjoni tinsab fuq Oggezzjona.com u l-paġna tal-grupp fuq Facebook. 

Din l-Art Ħelwa: Il-karattru tal-irħula qed jintilef 

Patrick Calleja minn Din l-Art Ħelwa qal li l-iżvilupp propost fil-Qrendi, madwar 80 metru mill-knisja parrokkjali, huwa wieħed minn diversi każijiet madwar Malta u Għawdex fejn bini ta’ ħames sulari fit-truf taż-żoni urbani ta’ konservazzjoni qed ibiddel il-karattru tal-irħula. 

Huwa wissa li blokok kbar qed ifixklu l-veduti tal-knejjes u l-profil storiku tal-lokalitajiet, filwaqt li osserva li qed jiżdiedu l-għaqdiet tar-residenti li qed jingħaqdu biex jiddefendu l-wirt ta’ rħula tagħhom. 

 

More in Kronaka