1,400 multa fuq il-post din is-sena hekk kif il-Gvern iżid l-infurzar fis-settur turistiku

Saru aktar minn 4,200 spezzjoni u għadhom għaddejjin investigazzjonijiet fuq 169 proprjetà tal-vaganzi suspettati li qed joperaw illegalment

Ritratt: OPM
Ritratt: OPM

Il-Gvern ħareġ 1,400 multa fuq il-post din is-sena bħala parti minn żieda fl-infurzar fis-settur turistiku, qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Malta Hotels and Restaurants Association dwar il-Baġit 2027.

Skont iċ-ċifri ppreżentati, saru 4,215-il spezzjoni, li wasslu għal 22 enforcement notice u 106 penali amministrattiva.

Fl-istess waqt, għadhom għaddejjin investigazzjonijiet fuq 169 holiday furnished premises suspettati li qed joperaw illegalment.

Abela qal li turisti jistgħu jiġu deportati jekk il-penali tagħhom jaqbżu l-€200, limitu li ġie introdott biex tissaħħaħ il-konformità mar-regoli.

Il-Malta Tourism Authority qed twettaq spezzjonijiet f’diversi tipi ta’ proprjetajiet, fosthom djar, stabbilimenti tal-ikel u short-let apartments, biex tivverifika li l-operaturi jkollhom il-liċenzji meħtieġa u josservaw il-liġi.

Il-Prim Ministru qal li din iż-żieda fl-infurzar tifforma parti minn bidla usa’ fil-politika tal-Gvern għat-turiżmu.

Huwa qal li l-Baġit li jmiss għandu jitqies bħala pass ieħor fl-implimentazzjoni ta’ Vision Malta 2050, b’enfasi fuq turiżmu sostenibbli u fuq il-kwalità u l-valur aktar milli fuq in-numri biss.

“In-numri huma importanti, iżda issa li wasalna għal critical mass qed inħarsu dejjem aktar lejn turiżmu u investiment f’settur ta’ kwalità għolja,” qal Abela.

Waqt il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-MHRA ppreżentaw il-proposti tagħhom lill-Gvern bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Baġit.

Id-diskussjoni trattat ukoll it-tisħiħ tal-konnettività, aktar investiment fil-ħiliet u l-professjonalità tal-ħaddiema, titjib fil-governanza u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet biex in-negozji jkunu jistgħu jinvestu, jimmodernizzaw u jgħollu l-istandards tagħhom.

Abela qal li t-turiżmu għandu jibqa’ mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija u jikkontribwixxi għal kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta u Għawdex.

Għal-laqgħa attendew ukoll id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Silvio Schembri, Clint Camilleri, Jo Etienne Abela u Glenn Bedingfield, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u Mark Mallia, Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru.

More in Kronaka