L-Insurance Association Malta qed titlob lill-Pulizija tippubblika ċ-ċifri u r-riżultati tat-testijiet każwali tad-droga fit-toroq, sitt xhur wara li bdiet tintuża din il-miżura.
L-assoċjazzjoni qalet li trid tkun taf kemm saru testijiet, kemm taw riżultat pożittiv u kemm minn dawk il-każi eventwalment wasslu għal prosekuzzjoni.
Fi stqarrija, l-IAM qalet li din l-informazzjoni hija partikolarment importanti fid-dawl ta’ sensiela ta’ inċidenti serji tat-traffiku fl-aħħar xhur, fosthom każijiet li jinvolvu sewqan perikoluż u vetturi misjuqa mingħajr il-liċenzji meħtieġa.
Meta l-liġi daħlet fis-seħħ lejn l-aħħar ta’ Marzu, il-Pulizija kienet qalet li erba’ sewwieqa kienu rriżultaw pożittivi fl-ewwel jiem u li t-testijiet kellhom jibqgħu jsiru “regolarment”.
L-IAM qalet iżda li minn dak iż-żmien ma ġiet ippubblikata ebda informazzjoni oħra dwar ir-riżultati tal-infurzar.
Skont l-assoċjazzjoni, il-pubblikazzjoni regolari ta’ dawn iċ-ċifri tippermetti li jiġu identifikati xejriet u jiġi evalwat jekk l-imġiba tas-sewwieqa tkunx qed tinbidel b’riżultat tal-miżuri l-ġodda.
L-IAM appellat ukoll biex jerġa’ jiġi attivat ir-Road Safety Council, li skontha ilu madwar seba’ xhur wieqaf sakemm jinħatar chairman ġdid mill-Ministru responsabbli mill-mobilità sostenibbli.
Il-kunsill twaqqaf biex jagħti pariri dwar miżuri għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, iqajjem aktar għarfien u jagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ politika, iżda l-IAM qalet li ma jistax jiffunzjona sakemm tinħatar tmexxija ġdida.
Tħassib dwar inċidenti bil-muturi
L-assoċjazzjoni rreferiet ukoll għal għadd ta’ inċidenti serji li kienu jinvolvu muturi, u qalet li mill-inqas 15-il każ ġew irrappurtati matul l-aħħar xhur.
Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ċċitati mill-IAM, is-sewwieqa tal-muturi kienu jammontaw għal 40.7% tal-persuni involuti f’diżgrazzji fit-toroq bejn April u Ġunju, minkejja li l-muturi jirrappreżentaw proporzjon ferm iżgħar tal-vetturi fit-toroq Maltin.
Biex tiġi indirizzata l-problema, l-IAM qed titlob aktar edukazzjoni dwar is-sewqan sigur tal-muturi, fosthom dwar l-overtaking, aktar għarfien fost is-sewwieqa kollha dwar kif jaqsmu t-triq b’mod sigur mal-muturisti u disinn aħjar tat-toroq li jippermetti separazzjoni fejn ikun possibbli.
L-assoċjazzjoni pproponiet ukoll użu akbar ta’ teknoloġiji bħall-Automatic Number-Plate Recognition, kemm f’postijiet fissi kif ukoll fuq vetturi tal-Pulizija, biex vetturi mhux assigurati u reati oħra jkunu jistgħu jiġu identifikati aktar malajr.
L-IAM qalet li t-titjib fis-sigurtà fit-toroq mhux neċessarjament jirrikjedi aktar liġijiet, iżda infurzar konsistenti ta’ dawk eżistenti u pubblikazzjoni ta’ data li turi x’qed jinkiseb permezz tal-infurzar.
Doctors for Road Safety Malta jappoġġjaw is-sejħa
Doctors for Road Safety Malta appoġġjaw l-istqarrija tal-IAM u tennew is-sejħa tagħhom biex ir-Road Safety Council jingħata rwol aktar eżekuttiv.
L-għaqda ddeskriviet bħala “tal-mistħija” l-fatt li kunsill imwaqqaf fl-2014 tħalla “jmajna” mingħajr tmexxija jew vuċi.
Doctors for Road Safety qalu wkoll li Transport Safety Commission li kienet imwiegħda għadha ma twaqqfitx erba’ snin wara.
L-organizzazzjoni temmet billi qalet li Malta teħtieġ struttura istituzzjonali b’saħħitha biex tindirizza b’mod serju l-problemi tas-sigurtà fit-toroq u tipproteġi lil dawk li jużawhom kuljum.