Il-PN jagħlaq l-2025 b’bilanċ ta’ aktar minn €100,000

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali, filwaqt li qal li żamm id-dejn fl-istess livell tas-sena ta’ qabel

Ritratt: Partit Nazzjonalista
Ritratt: Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta dalgħodu l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu għas-sena 2025 lill-Kummissjoni Elettorali.

Il-kontijiet kienu ġew approvati fil-jiem li għaddew mill-Kunsill Amministrattiv tal-partit.

Skont il-PN, is-sena finanzjarja 2025 ingħalqet b’bilanċ ta’ ftit aktar minn €100,000, filwaqt li d-dejn inżamm fl-istess livell tas-sena ta’ qabel.

Il-kontijiet ġew ippreżentati lill-Kummissjoni Elettorali fl-uffiċċji tagħha fin-Naxxar mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello u mit-Teżorier tal-partit Veronica Perici Calascione.

Il-PN qal li bil-preżentazzjoni tal-kontijiet qed ikompli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi.

Il-partit sostna wkoll li r-ristrutturar finanzjarju li ilu għaddej bih qed jgħinu jimxi lejn tmexxija aktar sostenibbli u jsaħħaħ il-qagħda finanzjarja tiegħu.

More in Kronaka