Jaħbu d-droga li jniżżlu minn Sqallija f'kompartamenti foloz ġo vann; Tnejn arrestati

B'kollox, il-Pulizija sabet 34 kilogramma droga tal-kannabis lesta biex tkun ittraffikata u l-valur tagħha huwa stmat li jlaħħaq madwar is-€700,000

Żewġt irġiel ġew arrestati wara sejba ta’ madwar 34 kilogramma droga tal-kannabis lesta biex tkun ittraffikata. Il-valur tagħha huwa stmat li jlaħħaq madwar is-€700,000. 

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li arrestat liż-żewġ Maltin wara jiem ta’ osservazzjoni fuq persuni li kienu suspettati li qed idaħħlu droga minn Sqallija u li kienet qed tkun maħżuna f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ.

Is-Sibt filgħaxija, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), segwew vann li kienu għadu kemm wasal Malta minn Sqallija.

Dan instaq dirett lejn il-garaxx f’Ħaż-Żebbuġ. Ftit wara, mill-istess garaxx, ħarġu żewġ karozzi li ġew iċċirkondati mill-ewwel. Fihom kien hemm l-irġiel arrestati.

Fil-vann, instab baskett li fih kien hemm-€300,000 fi flus kontanti.

Minħabba suspett li fil-vettura hemm kompartamenti foloz, il-Pulizija żarmaw il-ħadid u kien hawn li nstabet id- droga f’diversi boroż. 

Bis-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li qed tmexxi inkjesta. 

Iż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 39 sena u l-ieħor ta’ 36 sena qed jinżammu arrestati fil-lock-up tal- Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana. 

Huma mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum.

More in Kronaka