20 ruħ jimxu mill-Marsa għall-Belt kontra l-miżuri u l-vaċċin; Jakkużaw lill-midja li qed tiċċensurahom

Il-protestanti li kienu bla maskra wħud ġew imħarrka u oħrajn eżentati milli jilbsuhom 

Aktar kmieni illum, Freedom Movement Malta u diversi nies oħra ngħaqdu bħala protesta kontra numru ta' miżuri u l-vaċċin, implimentati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa kontra l-imxija tal-Covid-19. Il-folla ta' madwar 20 ruħ, immexija minn Paul Richard Chetcuti, marret quddiem il-Kurja, il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizja, il-Parlament kif ukoll aktar tard quddiem Kastilja. 

Paul Richard Chetcuti saħaq li huwa xjentist tal-bniedem u għamel ir-riċerka meħtieġa li turi li l-vaċċin jagħmel il-ħsara lill-bniedem. Meta mistoqsi mill-ġurnalisti x'inhuma l-kwalifiċi tiegħu huwa baqa jinsisti li huwa xjentist u li ma kellux ċertifikazzjoni li juri li huwa mlaħħaq fis-settur mediku u li ta' spiss jagħmel kollaborazzjoni ma' tobba barranin fosthom dawk fl-Iżrael u l-Ġermanja. 

Intant huwa qal li l-midja qiegħda tiċċensurah, għaliex kull persuna li tidħol fl-Istazzjon Nazzjonali (PBS) għandu jkun imlaqqam u b'hekk l-awtoritajiet, inkluż il-Ministru Fearne, qiegħed jiċċensurah u jimpedih milli jagħmlu diskussjoni fuq il-vaċċin. Huwa saħaq ukoll li l-ebda vaċċin ma ġie approvat b'mod uffiċjali u kull tip ta' vaċċin, fosthom Pfizer, Moderna, Johnson & Johnson eċċ, huma approvati għall-użu waqt emerġenza.  Madankollu fl-2021 ġie approvat, b'mod uffiċjali li l-Pfizer jista' jintuza b'mod regolatorju. 

Sadanittant l-ILLUM kienet live fuq il-paġna ta' Facebook. Waqt din ix-xandira diversi nies irrimarkaw kif ħafna protestanti, li evidentament ma kienux ħadu l-booster, ma kienux libsin maskra u lanqas żammu mar-regola tad-distanza soċjali. Għalhekk l-ILLUM staqsiet lil uffiċjal tal-Pulizija jekk ittiħditx azzjoni fuq dawn l-individwi. Huwa saħaq li filwaqt li kien hemm uħud li ġew imħarrka, il-maġġoranza tal-persuni li attendew għal din il-protesta kellhom tip ta' ċertifikat li jeżenthom milli jilbsu maskra, minħabba raġunijiet mediċi. 

More in Kronaka