F'Ħal Tarxien sit abbandunat jiġi trasformat għall-parkeġġ ta' 128 vettura

F'dan il-parkeġġ hemm ukoll żewġ punti ta' iċċarġjar għal vetturi elettriċi 

Infrastructure Malta, b'investiment ta' €350,000, lestiet il-bini ta' parkeġġ pubbliku ġdid biswit Saint Thomas More Middle School, f’Ħal Tarxien. Dan il-parkeġġ, li jinsab fi Triq Ċikku Saliba se jinkludi fih 128 spazju. 

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg saħaq li minn sit abbandunat issa l-pubbliku se jkun jista' jgawdi minn parkeġġ ġdid u aktar sigur. Dan il-parkeġġ jinsab marbut ukoll mal-underpass tar-roundabout ta' Santa Luċija, li Infrastructure Malta bniet fl-2020.

Wara konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, din iż-żona ġiet imsebbħa bi 15-il siġra taż-żebbuġ, 12-il siġra tal-palm, 400 arbuxelli u pjanta żgħira. Il-kuntratturi tal-aġenzija se jkomplu jsaqqu u jieħdu ħsieb dawn is-siġar u arbuxelli għall-ftit snin li ġejjin, sakemm jiġu stabbiliti.

"Bħalma għamilna fi proġetti oħra ta’ dan it-tip rajna wkoll li ninkludu faċilitajiet oħra fosthom żewġ punti tal-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi. Minħabba l-fatt li l-parkeġġ jinsab viċin skola rajna wkoll li nimplimentaw l-aqwa sigurtà possibbli permezz anke ta’ lay-bys ġodda tal-karozzi tal-linja, ” temm jgħid il-Ministru Borg. 

More in Kronaka