Filmat | ‘Ma kinitx operazzjoni tas-soltu’ – Id-Dwana strumentali biex jitkisser ċirku ta’ kriminalità internazzjonali

L-ILLUM tiltaqa’ mal-uffiċjali tad-Dwana li kienu responsabbli minn operazzjoni kbira u li fiha interċettat xejn inqas minn 44 karozza misruqa fil-Kanada u li kienu għadhom kemm waslu Malta

L-uffiċjali fuq l-ispezzjonijiet f’wieħed mill-kontejners
L-uffiċjali fuq l-ispezzjonijiet f’wieħed mill-kontejners

44 karrozza f’25 kontejner. Insterqu fil-Kanada u waqfu Malta fi triqithom lejn Abu Dhabi. Id-Dwana ta’ Malta, fil-Port Ħieles kienet parti strumentali minn operazzjoni akbar li waslet għall-arrest ta’ disà persuni fil-Kanada u tkissir ta’ grupp ta’ kriminalità organizzata internazzjonali.

Żgur li għall-uffiċjali tad-Dwana ma kinitx operazzjoni faċli u lanqas xi ħaġa li jiltaqgħu magħha ta’ kuljum. Minkejja dan, ħarġu bl-unuri u ġew imfaħħra wkoll mill-Pulizija Reġjonali ta’ York, fil-Kanada. F’ġurnata xita ma tieqaf xejn, il-gazzetta ILLUM żaret il-Port Ħieles u ltaqgħet mal-uffiċjali tad-Dwana li kienu responsabbli minn din l-operazzjoni, fosthom l-Ispettur tad-Dwana, George Agius.

“Ma kinitx operazzjoni tas-soltu. Din kienet l-akbar qabda, mid-Dwana Maltija, ta’ karozzi misruqa,” beda jispjegalna Agius. 

Kollox beda minn informazzjoni fuq kontejner wieħed

Kompla jispjega kif kollox beda minn informazzjoni li l-Pulizija Kanadiża għaddiet lid-Dwana Maltija fuq kontejner wieħed. Minn hemm, id-Dwana Maltija kompliet bl-analiżi tagħha kemm fuq kontejners domestiċi u anke fuq oħrajn li kienu se jagħmlu waqfa Malta fi triqithom lejn pajjiżi oħra jew li kienu fi triqithom lejn l-istess destinazzjoni. 

Fil-fatt, apparti dan il-kontejner, flimkien mal-Pulizija Maltija, ġew interċettati żewġ kontejners oħra. 

“Bdejna kontroll fiżiku tal-kontenut ta’ dawn il-kontejners u rriżulta li l-karozzi li kien hemm fihom, kienu ġew misruqa fil-Kanada,” spjega Agius. “Id-Dwana mbagħad tkompli tanalizza l-kontejners li jkunu ġejjin mill-istess pajjiż jew inkella li jkollhom l-istess rotta.”

Tant u hekk li sa dakinhar li saret l-intervista, id-Dwana Maltija interċettat xejn inqas minn 25 kontejner, kollha kemm huma tal-40 pied u li kienu jinkludu xejn inqas minn 44 karozza misruqa mill-Kanada. Uħud minn dawn il-karozzi ma nsterqux sempliċiment waqt li kienu pparkjati. Kien hemm vetturi li ġej misruqa bil-forza.

Aktar minn 88 vettura, 5 miljun u disa’ persuni arrestati

Sakemm il-gazzetta ILLUM kienet il-Port Ħieles, l-uffiċjali tad-Dwana ġabu wieħed mill-kontejners li kien jinkludi dawn il-karozzi misruqa, inkiser is-siġill quddiem l-uffiċjali responsabbli u setgħet tara b’għajnejha kif isiru dawn il-kontrolli fuq il-vetturi. Il-filmat ta’ dan kollu, se tkunu tistgħu ssegwuh fuq is-sit illum.com.mt.

Agius insista li x-xogħol għadu mhux lest, anzi fi kliemu, għax fadal ħafna xogħol xi jsir. Fil-fatt, dwar dan il-każ għaddejja inkjesta maġisterjali. Fix-xena jidħlu wkoll il-kumpaniji tal-assigurazzjoni Kanadiżi.

Tnejn mill-karozzi misruqa u ppakjati f’kontejner
Tnejn mill-karozzi misruqa u ppakjati f’kontejner
Tnejn mill-karozzi misruqa u ppakjati f’kontejner
Tnejn mill-karozzi misruqa u ppakjati f’kontejner

Ta’ min isemmi wkoll li l-Pulizija Kanadiża, fuq ir-riżultati u l-informazzjoni mogħtija mid-Dwana Maltija, kompliet bl-investigazzjoni tagħha. F’temp ta’ ftit jiem, irkuprat aktar minn 88 karozza misruqa fil-belt ta’ Toronto u li l-valur tagħhom jammonta għal 5 miljun, inkluż il-vetturi li nstabu f’Malta.

Bħala parti mill-operazzjoni mlaqqma Crockpot, li bdiet f’Ġunju li għadda, ġew arrestati wkoll disa’ persuni. Il-Pulizija Kanadiża kkonfiskat diversi oġġetti li kienu qed jintużaw fis-serq tal-karozzi.

‘Il-kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet barranin hija importanti’

Id-Dwana ma toqgħodx tistenna biss informazzjoni minn barra. Kif se naraw aktar ‘il quddiem, hija proattiva ħafna. Madanakollu l-kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet barranin hija importanti wkoll, kif ġara f’dan il-każ.

Agius insista li kull informazzjoni li tasal għandhom huma jinvestigawha, kemm jekk fuq kontejners li jaslu għal Malta u anke dwar il-ħafna kontejners li jieqfu Malta qabel jaqbdu triqithom lejn pajjiżi oħra.

L-Uffiċjal tad-Dwana George Agius
L-Uffiċjal tad-Dwana George Agius

“Kif għidtlek, kollox beda minn kontejner wieħed u aħna mbagħad frixna l-analiżi u l-investigazzjoni tagħna fuq kontejners oħra li kienu simili u li anke jkollhom l-istess rotta,” saħaq Agius. 

Fakkar li minħabba l-pożizzjoni ta’ Malta fiċ-ċentru tal-Mediterran, tagħmilha destinazzjoni importanti għal ħafna mill-merkanzija li tkun qed taqsam minn pajjiż għall-ieħor. Fi kliemu, kull sena, jgħaddu mill-Port Ħieles madwar tliet miljun kontejner. 

Ma jfissirx li kull kontejner jiġi investigat. Impossibbli. Imma d-Dwana tanalizza fejn ir-riskju jkun akbar, kemm minħabba l-kontenut u anke d-destinazzjoni u anke fejn ikollha suspett, fost fatturi oħra.

‘Scanner waħdu mhuwiex biżżejjed’

Ovvjament, xogħol l-uffiċjali tad-Dwana fil-Port Ħieles ma jiqafx ma’ din l-investigazzjoni. Fil-fatt. Sakemm konnha qed nagħmlu l-intervista, warajna kien hemm serbut ta’ kontejners, lesti biex jgħaddu mill-iskanner li għandha d-Dwana biex ikun jista’ jiġi kkontrollat il-kontenut.

“Hemm ħafna affarijiet illegali li aħna nipprovaw ninterċettaw,” saħaq Agius. 

Spjega li l-iskanner waħdu mhuwiex biżżejjed, anke għax jekk dan juri l-karozzi, mhux se jgħidlek humiex misruqa jew le. Fi kliemu, ħafna drabi, id-dikjarazzjoni tkun tajba. Anke f’dan il-każ, il-kontejners kienu mmarkati li qed iġorru karozzi.

L-Iskanner li tuża d-Dwana biex tanalizza dak li jkun jinkludi kontejner
L-Iskanner li tuża d-Dwana biex tanalizza dak li jkun jinkludi kontejner

“Ħafna drabi, il-kontenut mhux se jkun karozzi, imma jkunu, ħwejjeġ, żraben, ġugarelli jew inkella sigaretti, fost oħrajn. L-iskanner mhux se jgħidlek li dawn huma misruqa, foloz jew tal-kuntrabandu. Dik tikkonkludiha l-analiżi li nagħmlu aħna,” insista. “Għandna persuni li huma speċjalizzati. Mhux kulħadd kapaċi jagħraf jekk ħaġa hijiex illegali jew le. Dan bħal meta mort tagħmel X-Ray. Huwa l-professur li jinduna jekk ikun hemm xi ħaġa mhux normali.”

Għalhekk, ix-xogħol tad-Dwana ma jiqafx biss mal-iskanner. L-uffiċjali jqablu diversi affarijiet oħra, inkluż id-dokumenti u d-dikjarazzjoni li tibqa’ importanti ħafna wkoll.

“Dak hu xogħlna, li nqablu dawn l-affarijiet kollha flimkien anke bl-għajnuna ta’ intelliġenza internazzjonali,” spjega Agius.

X’se jsir mill-karozzi?

Ħafna mill-karozzi li nstabu fil-kontejners mhumiex karozzi taċ-ċajt. L-ILLUM tistaqsi lil Agius xi jsir minn dawn il-vetturi hekk kif tintemm l-investigazzjoni.

Tenna li għad fadal ħafna xogħol u anke analiżi li għad trid issir. Dan apparti l-inkjesta maġisterjali. 

“Issa jidħlu l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, uffiċjali u rapporti. L-aktar li batew huma s-sidien u anke l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedi l-Maġistrat u l-awtoritajiet Kanadiżi,” insista.

‘Xogħolna huwa li nwaqqfu dan it-traffiku ta’ kummerċ illegali’

Agius temm ifakkar li apparti l-ġbir ta’ taxxi dovuti, xogħol id-Dwana huwa li tissalvagwardja l-kummerċ leġittimu.

“Hawn aktar kummerċ leġittimu milli illegali imma aħna nagħmlu minn kollox biex innaqqsu l-illegalità fin-negozju u anke l-kummerċ ta’ affarijiet illeċiti,” insista.

Insista li d-Dwana hija l-aktar awtorità awtorevoli fil-periferija u l-fruntiera ta’ kull pajjiż u trid tassigura li l-liġijiet kollha jkunu qed jiġu mħarsa.

“Hemm ħafna affarijiet illegali, illeċiti u foloz. Narkotiċi, armi u ħafna affarijiet oħra. Aħna xogħolna huwa li nwaqqfu dan it-traffiku ta’ kummerċ illegali,” temm jinsisti. 

L-Iskanner li tuża d-Dwana biex tanalizza dak li jkun jinkludi kontejner
L-Iskanner li tuża d-Dwana biex tanalizza dak li jkun jinkludi kontejner

Il-karozzi li nstabu mid-Dwana Maltija huma dawn:

Vetturi misjuba bejn is-6 u s-7 ta’ Ottubru 2021

  • Mustand
  • Ford Pick-Up F450
  • Tliet Lexus RX350
  • Range Rover Velar

 Vetturi misjuba bejn il-11 u t-12 ta’ Ottubru

  • Erba’ Ford Pick-Up F450
  • Żewġ Jeep Grand Cherokee
  • Jaguar F-Pace
  • Ford Expedition Suv
  • Jeep Rubicon
  • Mercedes G63

 Vetturi misjuba bejn il-15 u t-18 ta’ Ottubru

  • Lexus RX35
  • Honda CRV
  • Żewġ Ford Expedition
  • Mercedes G63
  • Żewġ Lexux RX35
  • Ford F150

  Vetturi misjuba bejn it-28 u d-29 ta’ Ottubru u l-1 u t-2 ta’ Novembru

  • Jeep Wrangler
  • Jeep Cherokee
  • Żewġ Honda CRV
  • Chyrsler
  • Dodge
  • Erbgħa Ford F150
  • Dodge Dura

   Vetturi misjuba fit-3 ta’ Novembru

  • Żewġ Lexus RX35
  • Ford F150
  • Chevrolet Taho
  • Ford F250
  • Jeep Grand Cherokee
  • Range Rover

  Vetturi misjuba fl-aħħar sigħat

  • żewġ Ford F150

More in Kronaka