Iħabbat lill-anzjani biex taparsi jbigħ il-prima jew jiġbor flus għall-missjoni; Minflok jisraqhom

Ir-raġel ġie arrestat wara li nqabad fil-fatt mill-Pulizija

Il-Pulizija arrestat raġel ta’ 40 sena li wettaq minn tal-inqas sitt serqiet fuq diversi persuni, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 52 sa 95 sena. Il-maġġoranza kienu anzjani.

Mill-investigazzjonijiet li saru, jirriżulta li r-raġel kien imur iħabbar iħabbat f’residenzi fejn jgħixu anzjani u jgħidilhom li kien qiegħed jiġbor xi flus għall-missjoni jew qieghed ibiegħ biljetti tal-lotterija li jitilgħu mal-prima.

Meta l-anzjani kienu jidħlu ġewwa biex ituh il-flus, kien jisraqhom.

Is-serqiet seħħu fil-Mosta, l-Imġarr, f’Birkirkara u fil-Mellieħa.

Id-deskrizzjoni li taw l-anzjani tal-ħalliel kienet taqbel u l-Pulizija rnexxielha tidentifikah. 

Fil-fatt, il-Pulizija qabduh fil-fatt, fil-Mellieħa, iħabbat fuq bieb ta’ anzjana. Huwa ġie arrestat minnufih. 

Aktar tard saret tfittxija f’residenza f’Ħaż-Żabbar fejn instabu xi oġġetti relatati mal-każijiet ta’ qabel. 

Il-Pulizija mhux teskludi li kien hemm anzjani li sfaw vittmi ta’ dan ir-raġel u ma rrappurtawx. 

“L-appell tagħna huwa biex min kien vittma, speċjalment anzjani, u li fl-aħħar ġimgħat persuna ħabtitilhom il-bieb biex tbiegħilhom biljetti tal-lotterija, iżda m’għamlux rapport lill-pulizija, għandu jċempel fuq in-numru 119 jew imur jagħmel rapport fl-eqreb Għassa tal-Pulizija,” insista l-Ispettur Lydon Zammit.

More in Kronaka