Il-kelb qatilha iżda n-neputi kien attakaha drabi oħra: Jinstema' l-każ tal-anzjana li nqatlet fl-Imsida

Spjegat li għall-ewwel kienet ħasbet li ommha setgħet waqgħet u weġġgħet lilha nnifisha. “Imma mbagħad qaluli...” qalet bil-vuċi tinbidel f'bikja waħda

Anzjana ta' 95 sena li nqatlet mill-klieb, pitbulls tan-neputi, f’darha stess is-sena li għaddiet kienet tibża’ min-neputi tagħha minħabba li kienet aggredita minnu. Dan intqal minn bint ix-xwejħa li kienet ix-xhud fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra n-neputi tagħha stess.

Huwa jinsab mixli bl-omiċidju involontarju ta' nanntu li nqatlet mill-klieb tiegħu f’Settembru tal-2020.
 
Bint il-vittma, emozzjonata għall-aħħar, fakkret kif madwar siegħa qabel l-inċident traġiku, hija kienet żaret lil ommha flimkien ma’ bintha.

Irrakontat kif ommha kienet bagħtet lin-neputija tixtri ftit ħalib minn ħanut fil-qrib u wara li t-tifla reġgħet lura, għall-ħabta tat-3:20pm, telqu lura f'darhom. Ix-xhud qalet lill-Qorti li dakinhar huma raw il-bieb tal-bitħa ta’ ġewwa kien imsakkar.

Spjegat kif ommha ta’ spiss kienet tilmenta dwar il-ħmieġ u d-diżastru li jħallu l-klieb, li kienu jitħallew jiġru madwar id-dar. Qalet ukoll li l-akkużat kien joqgħod fuq is-sular ta' fuq.

Il-vittma kien tilmenta dwar is-“saff sħiħ ta’ ħmieġ tal-klieb” li jitħalla fil-bitħa għax l-akkużat ma kienx innaddaf warajhom.

"Ommi kienet torqod b’maktur ma’ mnieħrejha minħabba r-riħa insupportabbli" u “Il-mamà spiss qaltli li ma kinitx sigura,” qalet it-tifla tal-vittma lill-maġistrat Ian Farrugia.

Il-Qorti semgħat kif l-anzjana dehret ukoll li kienet “tibża' ħafna” mill-akkużat u li l-akkużat imbottaha f’żewġ okkażjonijiet separati fejn id-darbtejn weqgħet.

Fl-istess ħin, f'nofs bikja, ix-xhud ftakkret kif ommha kienet tinsisti li tagħmel ix-xogħol tad-dar ta’ 95 sena. L-anzjana kienet irreżistiet l-offerta ta’ bintha li toqgħod magħha, u saħqet li riedet tgħix fid-dar li kienet xtrat ma’ żewġha l-mibki.

Ix-xhud flimkiwn ma bintha, telqet biss mid-dar ta’ ommha minuti qabel irċeviet telefonata urġenti tinformaha bl-inċident. Hawn fejn saqet lura lejn l-Imsida biex issib l-ewwel għajnuna ċivili li qed jipprovaw jidħlu fid-dar ta’ Inez.

Spjegat li għall-ewwel kienet ħasbet li ommha setgħet waqgħet u weġġgħet lilha nnifisha. “Imma mbagħad qaluli...” qalet ix-xhud bil-vuċi tinbidel f'bikja waħda.

Il-każ ikompli f’Jannar.

More in Kronaka