Tfajla arrestata wara numru ta' serqiet u anke wara li ffrodat il-kumpanija li taħdem magħha

Is-serq seħħ bejn Novembru 2020 u Marzu ta' din is-sena

Tfajla ta' 18-sena, residenti r-Rabat, ġie arrestata dwar numru ta' serqiet li seħħew bejn Novembru 2020 u Marzu ta' din is-sena.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li waslet għall-identità tat-tfajla wara li ġew elevati filmati minn kameras tas-sigurtà minn kumpless ta' stabbiliment f’Tas- Sliema. 

Kien dan li wassal lil-Pulizija biex tistabbilixxi li l-istess tfajla, fi ġranet differenti, dehret tisraq ħwejjeġ minn tliet ħwienet li jinsabu f’dan il-kumpless.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta ukoll li l-istess tfajla, li n-nazzjonalità tagħha hija Ingliża, allegatament dawret favur tagħha aktar minn €10,000 fi tranżazzjonijiet għad-dannu tal-kumpanija li kienet taħdem magħha.

It-tfajla mistennija titressaq il-Qorti taħt arrest illum.

More in Kronaka