Kienet l-għira li mmotivat il-qtil ta' raġel mis-sieħba tiegħu fil-Mellieħa

L-evidenza kontra mara ta' 44 sena li tinsab akkużata bil-qtil ta' seħibha, tkompli tinstema' illum fil-Qorti

Mill-arkivji - Mix-xena tad-delitt
Mill-arkivji - Mix-xena tad-delitt

Fl-evidenza kontra l-mara akkużata bil-qtil tas-sieħeb tagħha, li kompliet tinstema' fil-Qorti illum, irriżulta li kienet l-għira li mmotivat il-qtil. 

Il-mara fillipina ta' 44 sena residenti l-Mellieħa tinsab akkużata bil-qtil tas-sieħeb tagħha għal erba’ snin. Hija akkużata wkoll li ffabbrikat provi, li bagħbset l-evidenza u li għamlet rapport falz lill-pulizija.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo semgħet diversi xhieda dalgħodu, u bdiet billi semgħet lill-imgħallem tiegħu. Il-vittma kien jaħdem bħala xufier tal-linja mal-Malta Public Transport. 

“Il-vittma kien stazzjonat fiċ-Ċirkewwa. Hu qatt ma tana inkwiet u lanqas kellu problemi ma’ klijenti jew kollegi. Huwa kellu erba' infrazzjonijiet minuri talli rrapporta tard għax-xogħol u sewqan eċċessiv, fost oħrajn. Hu qatt ma falla testijiet tad-droga tal-kumpanija. "

Fix-xhieda tiegħu, hu rrakonta kif xi sentejn ilu mara kienet ċemplet biex tivverifika jekk il-vittma kienx xogħol. Id-dispatcher kien staqsih min kienet it-tfajla u hu qal li kienet it-tfajla tiegħu. Hija reġgħet ċemplet u tkellmet ma' persuna oħra li għarraf lill-mara li l-karozza tal-linja tiegħu żviluppat problema u kien ittardja. Il-mara kienet marret ukoll l-uffiċini xi drabi.

Is-sid li kienet tikri l-post lill-vittma xehdet ukoll li rċeviet messaġġ mill-akkużata fis-16 ta’ Diċembru 2020, tgħid li riedet toqtol lilha nfisha. Il-proprjetarja kienet irrappurtat dan kollu lill-pulizija.

Ftit żmien wara, l-istess sid, kienet talbet lill-vittma biex isib appartament ieħor wara li rċiviet numru ta’ lmenti minn residenti oħra.

“Kien hemm argument u l-akkużata qalet li huwa kellu relazzjoni mar-residenti l-oħra. Jumejn wara rċevejt telefonata oħra b'ilment li l-problemi ma kinux solvuti u tlabtu biex jmur jgħix x'imkien ieħor."

Hija żiedet tgħid li l-akkużata qaltilha li riedet toqtol lilha nnifisha biex "tħallih ikun kuntent." Hi ċemplet lill-pulizija u meta l-akkużata saret taf, akkużatha li ġabitha fl-inkwiet mal-pulizija. Ix-xhud qalet li kienet imblukkat in-numru f'dak il-punt filwaqt li avżatha biex "minn issa 'l quddiem ma tikkuntattjanix aktar."

Żewġt irġiel Filippini, ħbieb tal-vittma, xehdu wkoll li l-akkużata kienet "dejjem tgħir."

"Kienet spiss tgħid li għandu nisa oħra imma ma kienx veru," qal ix-xhud, " kienu dejjem jiġġieldu."

Il-każ ikompli fis-27 ta ’Ottubru.

More in Kronaka