Jeħel tlett snin ħabs wara li kien akkużat b'traffikar uman

Hu ġie arrestat meta mar jirraporta l-passaport tiegħu lill-pulizija bħala mitluf

Raġel ta' 40 sena, residenti l-Qawra, intbagħat il-ħabs fuq akkużi ta’ traffikar uman wara li biegħ il-passaport tiegħu.

Ir-raġel mill-Eritrea ġie arrestat meta mar jirraporta l-passaport tiegħu lill-pulizija bħala mitluf. 

L-Ispettur spjega lill-Qorti, li fil-11 ta’ Settembru, kienet identifikat persuna li kienet qed tivvjaġġa b’dokument li ma kienx tiegħu. Dik il-persuna tressqet il-Qorti nhar il-Ħadd u qalet li xtrat il-passaport mingħand l-akkużat.

L-istess spettur għarraf lill-għassa tal-Qawra biex joqgħodu attenti għal persuni li rrappurtaw dokumenti misruqa jew mitlufa. Kumbinazzjoni, l-akkużat kien diġà hemm biex jirraporta t-telf, qal l-ispettur.

L-akkużat ġie arrestat ftit wara u spjega lill-pulizija li l-persuna l-oħra kellha tuża l-passaport biex tivvjaġġa u mbagħad jintbagħat lura bil-posta.

Hu ġie akkużat li għen lin-nies jagħmlu dħul illegali fil-gżejjer Maltin, għamel dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet u għamel rapport falz tal-pulizija u weħel sentenza ta' tlett snin priġunerija.

More in Kronaka