Il-Pulizija se tressaq raġel quddiem il-Qorti ta' Għawdex akkużat bi qtil li seħħ fl-2018

Jidher li minn żvilupp importanti fil-każ, il-Pulizija rnexxielha tiddentifika lir-raġel minn kameras tas-sigurtà

Brandon Pisani - Kelliem għall-Korp tal-Pulizija
Brandon Pisani - Kelliem għall-Korp tal-Pulizija

Illejla l-Pulizija se jkunu qed iressqu l-Qorti raġel Serb akkużat bil-qil ta’ Eġizzjan li seħħ fl-2018 f’Għawdex.

Dan ġie kkonfermat waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Pulizija fejn ġie spjegat kif żvilupp importanti wassal biex il-Pulizija tiddentifika lir-raġel minn kameras tas-sigurtà.

Il-vittma, Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed kellu 42 sena. 

Il-Pulizija qalet li mill-kameras tas-CCTV, il-Pulizija setgħet issegwi lill-vittma jidħol fil-karozza tas-Serb, minn Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex. Il-filmati ttieħdu minn ħwienet fit-triq.

L-akkużat kien arrestat fl-10 ta’ Mejju li għadda u ngħata darbtejn il-ħelsien mill-arrest tal-Pulizija waqt l-investigazzjoni.

Brandon Pisani, il-Kelliem għall-Korp tal-Pulizija, fakkar kif il-vittma kien instab mejjet fl-Għarb, fil-15 ta’ Jannar 2018, viċin il-kappella ta’ San Dimitri. Huwa kien instab b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar, waħda f’għonqu u l-oħra f’sidru.

Pisani qal li t-tiri kienu sparati mill-viċin u kienu nstabu ħames skrataċ fil-viċin. L-arma tad-delitt għadha ma nstabitx.

L-akkużat se jitressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex, illum fis-6:00pm.

Il-motiv wera l-qtil għadu mhux magħruf.

More in Kronaka