Isuqu u jaħbtu ma' vetturi oħra biex jaħarbu mill-Pulizija ... tliet persuni arrestati

It-tliet persuni ġew arrestati fi tliet operazzjonijiet separati kontra d-droga u t-traffikar tagħha

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat tliet persuni, f’żewġ operazzjonijiet separati, fil- ħidma kontra t-traffikar tad-droga. 

L-ewwel operazzjoni saret ilbieraħ f’Ħal Qormi. Il-Pulizija kienet ilha jiem tosserva żagħżugħ ta’ 23 sena li jgħix il-Ħamrun. Għal xi 3pm, il-Pulizija ċċirkondaw il-vettura tiegħu. F’dan il-mument, is-sewwieq ipprova jaħrab u anke ħabat f’vettura tal-Pulizija, iżda huwa ġie arrestat minnufih. Saret tfittxija fil-vettura fejn ġew elevati 230 pakkett allegatament droga, lesta għat-traffikar. 

Ħidma oħra saret kmieni dalgħodu. Ftit wara s-sebgħa u nofs 7:30am, il-pulizija ppruvaw iwaqqfu vettura f’Ħaż-Żabbar, iżda s-sewwieq, malli nduna bil-preżenza tal-pulizija, saq b’veloċità fid-direzzjoni tal-Fgura. 

Malli waslu fi Vjal il-Kottoner, il-pulizija ċċirkondaw il-vettura, iżda s-sewwieq, ġuvni ta’ 29 sena residenti Bormla, ipprova jerġa’ jaħrab, bil-konsegwenza li ħabat f’vettura tal-pulizija u f’żewġ vetturi oħra privati. 

Madankollu huwa ġie arrestat u saret tfittxija fil-vettura fejn instabu ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. 

Fl-istess ħin, il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit iċċirkondaw residenza fi Triq San Mikiel, Bormla, fejn arrestaw anzjan ta’ 66 sena. Saret tfittxija fil-post, bil-pulizija ssib ammont ieħor konsiderevoli ta’ flus kontanti, kif ukoll oġġetti oħra ta’ valur. 

It-tliet persuni qed jinżammu fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana. 

More in Kronaka