Żagħżugħ li weġġa' u rreżista lill-pulizija jinstabulu 39 pakkett kokaina, MDMA u flus

Waqt it-tfittxija, ir-raġel ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra aggredihom u anki kkawżalhom ġrieħi ħfief

Id-droga, flus u oġġetti oħra li nstabu fil-pussess taż-żagħżugħ
Id-droga, flus u oġġetti oħra li nstabu fil-pussess taż-żagħżugħ

Ilbieraħ, għal xit-3:15 p.m. waqt li l-Pulizija mid-Distrett ta’ Wied il-Għajn kienet għaddejja fuq ronda nnutat vettura suspettuża.

Għalhekk, il-Pulizija segwiet il-vettura sakemm twaqqfet fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Wied il-Għajn.

Waqt li l-Pulizija bdiet tkellem lix-xufier, dan beda jaġixxi b'mod suspettuż u ġie ordnat jinżel mill-vettura sabiex issir tfittxija fuqu.

Waqt it-tfittxija, ir-raġel ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra aggredihom u anki kkawżalhom ġrieħi ħfief. Minħabba f’hekk, ir-raġel ġie arrestat fejn tkompliet it-tfittxija fuqu u l-vettura tiegħu, u nstab fil-pussess ta’ 39 borża aktarx kokaina u sustanza suspettati MDMA lesti biex jiġu ttraffikati, flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti.

Wara din is-sejba, il-Pulizija wettqet ukoll tfittxija fir-residenza tar-raġel f’Wied il-Għajn fejn instabu iżjed pakketti mill-istess sustanzi, ammont ta’ flus kontanti, kif ukoll oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga. Ir-raġel, li għandu 29 sena, qed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella LL.D ġiet infurmat bil-każ u ħatret inkjesta. 

More in Kronaka