Ritratti | Żewġ persuni l-isptar wara ħabta bejn erba' vetturi f'San Pawl il-Baħar

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7:30pm, fi Triq il-Mosta

Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei, wara inċident tat-traffiku bejn erba' vetturi f'San Pawl il-Baħar.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7:30pm, fi Triq il-Mosta.

Malli waslu fuq il-post il-Pulizija sabu ħabta bejn vettura Kia Sportage misjuqa minn raġel ta’ 60 sena li jgħix in-Naxxar, vettura Dacia Sandero misjuqa minn raġel Taljan ta’ 29 sena li jgħix Ħaż-Żebbuġ u vettura Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 25 sena residenti n-Naxxar.

Vettura Chevrolet li kienet ipparkjata, ġarbet xi ħsarat wara li ntlaqtet mill-vetturi konsegwenza tal-impatt.

Mara ta’ 59 sena li tgħix in-Naxxar kienet passiġġiera fil-vettura Kia Sportage.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-mara u lir-raġel Taljan l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li kellha ġrieħi ħfief, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li ndarab gravi.

Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

More in Kronaka