Imut is-Sindku ta' Ħal Qormi Renald Falzon fl-età ta' 45 sena

Is-Sindku ta' ħal Qormi huwa l-aħħar persuna li tilfet ħajjitha u li kien pożittiv għall-Covid-19

Renald Falzon
Renald Falzon

Is-Sindku ta' Ħal Qormi Renald Falzon fl-età ta' 45 sena huwa, sfortunatament, l-aħħar persuna li tilfet ħajjitha waqt li kien pożittiv għall-Covid-19. 

Huwa t-93 persuna minn Marzu li kellha l-Covid-19 meta tilfet ħajjitha. 

Falzon ġie elett Kunsillier f’isem il-Partit Laburista fil-lokalità ta’ Ħal Qormi fl-2015. Fl-2019 huwa ġie elett bħala Sindku.

Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Renald Falzon u ta l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lil dawk l-aktar qrib tiegħu.  Dan filwaqt li qal li Renald Falzon se jibqa’ wkoll imfakkar għall-ħidma tiegħu fil-qasam voluntarju ma’ diversi għaqdiet lokali.

L-Assocjazzjoni Kunsilli Lokali ukoll uriet sogħba u dispjacir għall-ahbar.  "Renald ta sehem kbir fil-qasam tal-Kunsilli Lokali fejn sa ma qabel ġie elett għall-ewwel darba bħala kunsillier fis-sena 2015, kien diġa jagħti s-sehem tiegħu fil-Kunsill permezz ta’ diversi kumitati. Fl-2019 huwa ġie elett Sindku tal-lokal li tant kien għal qalbu. Huwa kien involut ukoll f’ ħidma fil-qasam tal-volontarjat u kien jagħmel dak kollu li jista’ sabiex l-għaqdiet ta’ Ħal Qormi, isibu fih kenn u soluzzjonijiet għal problemi tagħhom. Dan jikkonferma l-karattru u l-qalb tad-deheb li kellu dan seħibna. L-Assocjazzjoni tirrikonoxxi dan kollu."

Dan is-sit jixtieq jagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha ta' Falzon u lill-Qriema kollha, li Falzon kien jirrapreżenta.

More in Kronaka