Ritratti | Il-Pulizija tagħmel aktar minn sitt sigħat tikkumbatti ma' raġel armat b'armi tan-nar u skieken

B'sikkina mdaqqsa u pistola kkargata r-raġel beda jhedded li se jispara fuq il-Pulizija

Il-mument li fih il-Pulizija daħlet fir-residenza tas-Serb
Il-mument li fih il-Pulizija daħlet fir-residenza tas-Serb

Raġel mis-Serbja, ta’ 38 sena, ġie arrestat wara operazzjoni delikata kkordinata bejn diversi taqsimiet tal-pulizija. B'kollox, il-Pulizija għamlu sitt sigħat u nofs jippruvaw jikkonvinċu lir-raġel biex iċedi.

Huwa kien armat b’armi tan-nar u skieken.

L-operazzjoni bdiet fis-7:30pm xħin daħlu telefonati fl-Għassa tal-Imsida u fil-Control Room tal-Pulizija l-Floriana, b’rapporti li fi Triq Qrejten, l-Imsida, kien hemm persuna li bdiet thedded xi persuni bi skieken u tagħmel ħsara fuq vetturi privati.

Il-Pulizija ħabtu fuq il-bieb tas-suspettat. Dan fetaħ u beda jxejjer sikkina mdaqqsa. Wara kkarga senter u ppontaha fid-direzzjoni tal-pulizija u hedded li se jispara fuqhom.

Is-Serb arrestat
Is-Serb arrestat
Is-Serb arrestat
Is-Serb arrestat

It-toroq tal-madwar ingħalqu u l-Pulizija bdew in-negozjati sabiex is-Serb iċedi u jagħti ruħu f’idejn il-Pulizija.

Waqt li kienu għaddejjin dawn in-negozjati, bir-residenza ċċirkondatata, ir-raġel deher jimxi fid-dar u anke fil-bitħa armat b’pistola kkargata. Fid-dar kien hemm ukoll tlett iklieb perikolużi.

Minħabba li s-sitwazzjoni kienet waħda delikata, issejħu fuq il-post il-Pulizija tas-Special Intervention Unit (SIU), bin-negozjati mas-suspettat baqgħu għaddejjin għal diversi sigħat, bil-għan li jċedi u joħroġ mir-residenza bil-kwiet.

Kienu ftit qabel is-sagħtejn ta’ filgħodu (0200hrs), xħin il-Pulizija tas-SIU daħlu fir-residenza, tefgħu numru ta’ ‘flashbangs’, bis-Serb jiddiżorjenta ruħu u ġie arrestat. 

F’dan il-mument, wieħed mill-klieb attakka lill-pulizija, li kienu kostretti jisparaw żewġ tiri li laqtu lill-kelb. Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li kienu fuq il-post, ħadu mill-ewwel il-kelb l-isptar tal-annimali biex jiddewwa.

Waqt l-arrest, is-Serb instab fuq is-sodda u f’idejh kellu s-senter u l-pistola kkargati. Minn tfittxija li saret fir-residenza, instabu mijiet ta’ skrataċ, 10 oġġetti oħra bejn skieken u xwabel, kif ukoll armi bil-ponta magħmulin mill-injam.

L-armi li nstabu fil-pussess tas-Serb
L-armi li nstabu fil-pussess tas-Serb
L-armi li nstabu fil-pussess tas-Serb
L-armi li nstabu fil-pussess tas-Serb
L-armi li nstabu fil-pussess tas-Serb
L-armi li nstabu fil-pussess tas-Serb

Aktar tard, żewġt iklieb oħra li wkoll kienu perikolużi, ttieħdu minn fuq il-post mill-uffiċjali tad- Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.

Fuq il-post kien hemm ukoll tim mediku tal-Emerġenza mill- Isptar Mater Dei, f’każ ta’ bżonn, iżda fortunatament ħadd ma’ weġġa’.

Dwar dan il-każ qiegħda ssir inkjesta mill-Maġistrat Neville Camilleri.

More in Kronaka