Filmat | Droga u klieb perikolużi misjuba waqt rejd mill-Pulizija

Tliet persuni ġew arrestati waqt dan ir-rejd

Operazzjoni konġunta bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija b’rabta ma’ allegat attivitajiet illegali wasslet għall-arrest ta’ tliet persuni. 

L-operazzjoni saret nhar it-Tlieta fl-inħawi magħrufa bħala Fuq Verdala, f’Bormla.

Wara jiem ta’ osservazzjoni, il-pulizija ċċirkondaw tliet postijiet separati.

Waqt tfittxijiet li saru nstab ammont ta’ droga, apparat elettroniku li jaqbad il-frekwenzi tal-pulizija u oġġetti oħra suspettużi li allegatament jindikaw attivitajiet illegali.

​Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali assistew ukoll f’din l-operazzjoni minħabba li f’post minnhom instabu sebat iklieb perikolużi.

L-operazzjoni bdiet fl-erbgħa ta’ filgħodu u tmexxiet mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, bis-sehem tal-Pulizija tas-Special Intervention Unit, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u mit-Taqsima tal-Klieb.

L-Assistent Kummisarju Sandro Gatt, li jmexxi l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri qal li: “permezz ta’ din l-operazzjoni ntwera’ biċ-ċar kemm diversi taqsimiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jaħdmu id f’id u b’suċċess sabiex niġġieldu kull forma ta’ kriminalità.”

It-tliet persuni arrestati ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

More in Kronaka