Suldat jitkeċċa mill-AFM hekk kif rrifjuta li jieħu test għad-droga wara party fil-Barracks ta' Ħal Far

L-AFM tiftaħ inkjesta interna dwar party fil-Barracks ta' Ħal Far  - suldat jitkeċċa

Fi stqarrija l-Forzi Armati ta' Malta (AFM) kkonfermaw  li sar party fil-barracks ġewwa Ħal Far u qalet illi tkeċċa suldat li rrifjuta li jieħu test biex jiġi stabbilit ħax droga waqt dan il-party. 

 "It-tmexxija tal-Forzi Armati ta’ Malta ħadet azzjoni immedjata, anki billi ħatret inkjesta interna minnufih sabiex jiġu vverifikati l-allegazzjonijiet u l-fatti."

L-AFM spjegaw kif is-suldati li kienu xogħol dakinhar intalbu jagħmlu test tal-awrina sabiex jiġi stabbilit għamlux użu minn sustanzi illegali.

"Is-suldati kollha aċċettaw bl-eċċezzjoni ta’ wieħed. Ir-riżultati ta’ min għamel it-test kollha ħarġu negattivi filwaqt li l-persuna li rrifjuta tkeċċa immedjatament fl-interess tas-servizz."

L-AFM fakkru li dan sar skont il-politika tagħha ta' tolleranza żero għall-użu ta' sustanzi illegali. 

"Il-Forzi Armati ta’ Malta ttenni li qed tistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesta interna, u sussegwentament timxi u tieħu passi skont l-istess konklużjonijiet."

More in Kronaka