Pulizija off-duty jsalva żewġt irġiel li nqabdu f'karozza li nqalbet u ħadet in-nar

Wieħed mill-irġiel jinsab fil-periklu tal-mewt

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt u ieħor sofra minn ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Sant’Andrija f’San Ġiljan.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3:00am.

Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li l-vettura li fiha kien hemm iż-żewġt irġiel ħabtet ma’ crash barrier, inqalbet u ħadet in-nar minnufih.

L-irġiel inħarġu mill-vettura minn kuntistabbli li kien off-duty u anke persuna oħra li baqgħu jassistu lill-vittmi sakemm waslet l-għajnuna medika.

Iż-żewġt irġiel huma Taljani. Huma ttieħdu Mater Dei fejn wieħed minnhom ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi u l-ieħor li qed isofri minn ġrieħi serji.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejja.

More in Kronaka