X’sar minn żewġ investigazzjonijiet importanti li qed twettaq il-Pulizija? L-ILLUM tistaqsi

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi x’sar minn żewġ investigazzjonijiet importanti li l-Korp tal-Pulizija kien qiegħed iwettaq fl-aħħar ġimgħat, waħda dwar it-Taqsima tat-Traffiku fi ħdanu stess u l-oħra dwar il-każ ta’ Miriam Pace...

Il-Coronavirus u l-isfidi li ġab miegħu serqu x-xena u l-attenzjoni minn fuq kull ħaġa oħra li kienet għaddejja fil-pajjiż fl-aħħar ġimgħat. Sa ftit qabel feġġ l-ewwel każ, Malta kienet qed titkellem fuq l-arrest ta’ ħafna mill-Pulizija fit-Taqsima tat-Traffiku u aktar u aktar dwar il-mewta traġika ta’ Miriam Pace li mietet taħt it-terrapien ta’ dik li xi darba kienet id-dar tagħha.

Fiż-żewġ każijiet kien hemm l-arresti, iżda sa issa ħadd għadu ma tressaq il-Qorti dwar iż-żewġ każi. Il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Korp tal-Pulizija dwar dawn iż-żewġ investigazzjonijiet separati. 

X’sar mill-investigazzjonijiet? Kemm hemm persuni arrestati? Kemm hemm persuni fuq police bail? 

34 pulizija għadhom taħt Police Bail

Kien fil-11 ta’ Frar li għadda meta l-Pulizija ħabbret li għaddejja bl-arresti ta’ uffiċjali mis-Sezzjoni tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija b’rabta ma’ allegat abbuż fis-sahra, li aktar tard speċifikat li l-abbuż jirrigwardja l-extra-duty li jagħmlu l-Pulizija.

Is-servizz ta’ extra-duty jingħata lil terzi bi ħlas waqt li l-uffiċjali tal-pulizija jkunu frank.

Fil-fatt, sa tlitt ijiem wara, it-total tal-arresti tela’ għal 41 pulizija, fejn 25 uffiċjal kienu ġew sospiżi.

Seba’ uffiċjali, inkluż supretendent, kienu taw ir-reżenja tagħhom, liema reżenja kienet ġiet aċċettata.

Mistoqsija fiex waslet din l-investigazzjoni, il-Pulizija saħqet li din għadha waħda attiva.

Kelliem għall-Pulizija spjega mal-gazzetta ILLUM li attwalment ma hemm l-ebda persuna taħt arrest, iżda hemm 34 persuna, li kollha kemm huma kienu parti mis-Sezzjoni tat-Traffiku, li jinsabu taħt police bail.

Skont il-liġi, persuna ma tistax tinżamm arrestata għal aktar minn 48 siegħa mingħajr ma tittella’ l-Qorti. Għaldaqstant, jekk l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja, is-suspettati jingħataw il-police bail, fejn minkejja li ma jkunux taħt arrest, jintalbu jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-Pulizija.

Skont rapporti fuq midja, li qatt ma kienu miċħuda mill-Korp tal-Pulizija, il-whistleblower li espona l-korruzzjoni fit-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija, qed jallega li l-korruzzjoni tmur lil hinn mill-extra-duty. Skont ir-rapporti, diversi uffiċjali kienu qed jiġbru flejjes mingħand kumpaniji kbar tal-kostruzzjoni u anke kumpaniji ta’ trasport biex jagħlqu għajnejhom għal kontravenzjonijiet tat-traffiku u ksur ta’ liġi.

L-istess rapporti kienu qed jisħqu kif il-flus kienu qed jiddaħħlu f’kont bankarju ta’ uffiċjal partikolari biex aktar tard jitqassam mal-bqija ta’ sħabu.

Intant, skont il-gazzetta oħt MaltaToday, pulizija tat-traffiku kienu qed jirċievu pagamenti għas-sahra biex ikunu preżenti waqt xogħlijiet fit-toroq li għalihom ma kinux imorru. Hu mifhum, skont l-istess rapport, li l-pagamenti għas-sahra li ma saritx, ilaħħqu l-miljuni.

Minkejja li kien qed ikun irrapportat li l-investigazzjoni nfirxet għal sezzjonijiet oħra, sa issa ma hemm l-ebda indikazzjoni li dan huwa l-każ, anke għax fit-tweġibiet tal-Korp lil din il-gazzetta, ingħad li l-Pulizija taħt police bail huma kollha mis-sezzjoni tat-traffiku.

Każ Miriam Pace: 6 persuni għadhom fuq Police Bail

Jekk hemm każ f’Malta li dwaru kulħadd irid li ssir ġustizzja, bla dubju ta’ xejn dan huwa l-każ ta’ Miriam Pace.

Qabel feġġ l-ewwel każ tal-Covid-19 f’Malta, il-mewta traġika ta’ Miriam Pace kienet fuq fomm kulħadd. Kulħadd kien ixxukkjat u fl-istess waqt irrabjat li mara u omm, li kienet fil-kwiet tad-dar tagħha, spiċċat mirduma, bla ħajja, taħt it-terrapien, hekk kif darha ġġarrfet għal ġo sit ta’ kostruzzjoni li kien jinsab biswit.

Anke jekk dan ma kienx l-ewwel każ ta’ binja, biswit sit ta’ kostruzzjoni, li ġġarrfet, għall-ewwel darba ġew arrestati persuni b’rabta mal-inċident, anke jekk hija ħasra li l-affarijiet kellhom jiċċaqilqu għax persuna innoċenti tilfet ħajjitha.

L-inċident seħħ nhar it-2 ta’ Marzu. Minkejja l-arrest ta’ sitt persuni, erba’ ġimgħat wara, sa issa ħadd għadu ma ttella’ l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ. 

Mistoqsija mill-gazzetta ILLUM, il-Pulizija assigurat li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Fil-fatt, kemm il-Perit, is-Site Technical Officer, iż-żewġ kuntratturi u anke ż-żewġ ħaddiema li jinsabu bil-police bail.

Fi stqarrija ministerjali, l-għada li Pace nstabet mejta, il-Prim Ministru Robert Abela kien saħaq li se jibqa’ jiġri wara l-Korp tal-Pulizija u mhux se jaċċetta tkaxkir tas-saqajn, biex kull min naqas iħallas, mhux b’sentenza ħafifa, iżda skont dak li ħaqqu.

“Mhux se nittollera xi sitwazzjoni fejn xi ħadd ikaxkar is-saqajn. Fejn il-Pulizija tgħid li hemm inkjesti pendenti...” saħaq Abela.

Abela kien appella wkoll biex ikun hemm distakk bejn il-professjoni u n-negozji u mhux ikun hemm sitwazzjonijiet, bħal fil-każ ta’ Miriam Pace, fejn il-perit ikollu wkoll sehem mill-istess proġett ta’ kostruzzjoni.

More in Kronaka