Ilbieraħ filgħaxija, Rumen ta’ 30 sena ġie arrestat mill-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali ta’Malta, b’rabta ma’ każ ta’ serqa li seħħ f’San Ġiljan nhar it-22 ta’ Diċembru, 2019.
Il-Ħadd illi għadda, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn ħanut fi Triq Ġorġ Borg Olivier, f’San Ġiljan. Minn stħarriġ illi sar mill-Pulizija rriżulta li r-raġel, li huwa ħaddiem fl-istess ħanut, allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti kif ukoll numru ta’ ċekkijiet.
Minn aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija rriżultala li l-persuna msemmija kienet se taħrab minn Malta l-bieraħ filgħaxija permezz ta’ titjiera lejn ir-Rumanija.
Għaldaqstant, il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata u ħarġet mandat ta’ arrest. Sussegwentament, ir-Rumen kien arrestat mill-pulizija fl-ajruport qabel ma kien se jaqbad it-titjiera.
Mal-arrest, il-pulizija għamlet tfittxija fuq ir-raġel u nstab fil-pussess t’ammont ta’ droga kokaina u ecstacy. Huwa ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.