Żewġ żgħażagħ Franċiżi ta’ 19 u 21 sena arrestati wara li kissru s-siġar tal-Milied f'San Ġiljan

L-Inċident sar madwar is-12:45 a.m fi Triq Ġorġ Borġ Olivier

Azzjoni f’waqtha mill-Pulizija tad-Distrett waslet għall-arrest ta’ żewġ żgħażagħ Franċiżi ta’ 19 u 21 sena rispettivament.

Dan wara li matul il-lejl illi għadda nqabdu jkissru dekorazzjonijiet tal-Milied li ġew installati fi Triq Ġorġ Borġ Olivier, f'San Ġiljan. Kienu għall-ħabta tas-12:45 a.m x’ħin il-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan ġew infurmati li żewġ rġiel kienu qegħdin ikissru s-siġar tal-Milied li tpoġġew fi Triq Ġorġ Borġ Olivier.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn sabu liż-żewġ persuni li qablu maddeskrizzjoni li kienet mgħoddija lill-Pulizija u arrestawhom fuq il-post. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li b’kollox ġew ivvandaliżżati erba’ siġar tal-Milied, bil-ħsarat li saru jammontaw għal ammont konsiderevoli ta’ flus, għad-dannu tal-Kunsill Lokali.

Iż-żewġ żgħażagħ Franċiżi ttieħdu l-Għassa ta’ San Ġiljan għall-aktar investigazzjonijiet u aktar tard ġew skortati lejn il-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana. Huma mistennija jitressqu l-Qorti għada t-Tlieta l-24 ta’ Diċembru, 2019.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

More in Kronaka