Miżmum raġel li allegatament qatel mara u weġġa' oħra fiċ-ċentru ta' Sydney

Skont midja internazzjonali, ir-raġel inżamm minn persuni li rawh jagħti daqqiet ta' sikkina lil mara fit-triq

 

Raġel ġie arrestat wara li ta daqqiet ta’ sikkina lil mara fiċ-ċentru ta’ Sydney.

Mara oħra nstabet mejta f’appartament fl-istess triq.

Jidher li r-raġel inżamm minn persuni li kienu fuq il-post.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Mick Fuller saħaq li mill-informazzjoni li għandu f’idu sa issa jirriżulta li r-raġel kien il-moħħ wara ż-żewġ każijiet.

Qal ukoll li r-raġel ibati minn problemi ta’ saħħa mentali. Insista li huwa magħruf mal-Pulizija iżda l-każi li kellu qabel ma kellhom xejn x’jaqsmu mar-reati li twettqu llum.

Minkejja li s-suspettat ġieli qal fil-pubbliku li jaqbel ma’ ideoloġiji relatati mat-terroriżmu ma hemm xejn li jindika li huwa marbut jew inkella membru ta’ xi organizzazzjoni terroristika.

Jidher ukoll li r-raġel kellu USB b’dettalji ta’ delitti tal-massa li seħħew fi New Zealand u l-Istati Uniti. 

More in Kronaka