Il-bajja ta’ Għar Aħmar f’Marsaxlokk tinfetaħ u tittawwal b'aktar minn 15-il metru

Din hi r-raba’ bajja fil-proġett ta’ ‘sand renourishment’ madwar Malta u Għawdex

Il-bajja ta' Għar Aħmar f'Marsaxlokk
Il-bajja ta' Għar Aħmar f'Marsaxlokk

Wara xogħol estensiv biex terġa’ timtela bir-ramel, illum il-bajja ta' Għar l-Aħmar f'Marsaxlokk ġiet uffiċjalment miftħuha mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi. 

Din il-bajja ttawlet b’aktar minn 15-il metru biex b’hekk it-tul tagħha issa jammonta għal aktar minn 100 metru, b’wisgħa ta’ madwar 50 metru. Madwar 2,000 metru kubu ta’ ramel tħammel miż-żona tal-Magħluq. 

Din il-bajja ġiet ukoll attrezzata b’passaġġ tal-plastik li jagħmel il-bajja iktar aċċessibbli għal kulħadd,showers u changing rooms ġodda, faċilitajiet sanitarji ġodda kif ukoll diversi kontenituri għar-riċiklaġġ tal-iskart.

Tajjeb li wieħed jinnota li din il-bajja hija differenti mill-oħrajn għax se tkun permanenti permezz ta’ installazjoni ta’ berm li se ssir wara s-sajf tal-2019 biex ikun jista’ jinżamm ir-ramel fil-bajja.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi esprima sodisfazzjon għal dan il-proġett u insista kemm hu importanti li nifirxu t-turiżmu madwar Malta u nkomplu nsaħħu l-prodott turistiku Malti permezz ta’ proġetti varji bħal dan u oħrajn.  

Żied jgħid li għal dan il-gvern ir-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk hija prijorità u din il-bajja tikkumplimenta xogħol ieħor li sar mill-istess ministeru fil-parkeġġ u xogħol ieħor pjanat fiż-żona magħrufa bħala Tal-Magħluq kif ukoll f’Xatt is-Sajjieda.

Dan il-proġett ta’ Għar l-Aħmar isegwi eżerċizzji simili li saru fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, fil-Bajja tal-Balluta f’San Ġiljan u fil-Bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn, bir-riġenerazzjoni tal-bajja ta’ Għar l-Aħmar f’Marsaxlokk pass ieħor fir-riġenerazzjoni ta’ din il-lokalità. 

Ix-xogħlijiet f’din il-bajja saru mill-Ministeru għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll mal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi.

More in Kronaka