Waqt seduta dwar il-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, il-qorti semgħet kif it-tifla ta’ 9 snin ta’ Eleanor Mangion Walker baqgħet bit-tama li ommha se tidħol mill-bieb tad-dar.
“Sakemm il-mama ma mititx, naħseb li naraha. Tiġi billejl, jekk ma norqodx, naraha.” Qalet it-tifla qabel saret taf li ommha kienet mejta.
Dwar l-akkużi miġjuba kontra missierha, l-Ispettur Borg qal li t-tifla kellha biss xi tgħid li l-ġenituri tagħha qatt ma ġġieldu quddiemha.
Dan intqal waqt is-smiegħ tal-provi llum, waqt li l-uffiċċju tal-prosekutur qal lill-qorti li t-tifla kellha idea vaga ta’ x’kien qiegħed jiġri meta ommha għebet u missierha kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija.
Il-katavru ta' Eleanor Mangion Walker instab f'maħżen f'Ħal Qormi fit-3 ta' Lulju wara li l-Pulizija ġiet informata miz-ziju ta' Andrew Mangion, Grezzju Micallef. Wara t-tfittxija u l-arrest ta' Andrew Mangion, huwa baqa' jsostni l-innoċenza tiegħu dwar l-akkużi tal-qtil ta' martu.
L-Ispettur qal lill-Qorti li l-imgħallem ta' Mangion, Julian Grech, kien qal lill-Pulizija li hu kien fetaħ qalbu miegħu u qallu li r-relazzjoni ma' Eleanor qabdet it-triq tan-niżla minn wara li twieldet it-tifla. Mangion sostna li martu kienet taqlibielu ma' rġiel oħra.
Infatti, Grech kien informa lill-Pulizija kif darba, l-akkużat kien qalli li "kien lest isawwat lil martu."
Grech ikkonferma wkoll li Andrew Mangion kellhu ċ-ċwievet tal-maħżen f'Ħal Qormi, fejn fit-3 ta' Lulju nstab il-katavru ta' Eleanor.
Waqt l-interrogazzjoni, Mangion insista li martu nqatlet minn żewgt irġiel armati quddiem għajnejh stess f'garaxx fis-Swieqi u hu, bil-biża li jeħel hu, iddeċieda li jeħles mill-katavru. Mangion qal ukoll li ma kinietx intenzjoni tiegħu iħalli l-katavru fil-maħżen, iżda li aktar tard jew jaħarqu jew jitfgħu f'xi bir.
Mangion baqa' jsostni li hu ma kienx għadu jħobb lil martu u xtaq jitlaq mid-dar li kienu għadhom jaqsmu, minħabba li lanqas kien għadu jiflaħ jgħannaqha peress li hi kienet taqlibielu.
Il-Maġistrat Doreen Clarke iddikjarat li s-smiegħ tal-każ se jkompli fl-1 ta' Settembru, fejn se tittieħed ukoll deċiżżjoni dwar jekk iz-ziju ta' Andrew Mangion għandux jitla' jixhed jew le.
L-avukat Joe Giglio qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-avukati Michael u Lucio Sciriha qed jidhru għall-familja tal-vittma.
Il-Prosekuzzjoni ta' dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kylie Borg.