Inħarġet Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza (ECO) fuq sit ta’ kostruzzjoni fix-Xagħra, Għawdex, wara li investigazzjonijiet arkeoloġiċi kixfu evidenza ta’ ċimiterju preistoriku li jmur lura għal bejn l-4100 u t-3800 QK.
Waqt l-investigazzjonijiet fis-sit fi Triq il-Ġdida, fi Pjazza Sant’Anton, l-arkeologi sabu fdalijiet umani, fuħħar preistoriku u reċipjenti tal-fuħħar li baqgħu intatti.
Is-sejbiet imorru lura għall-Fażi ta’ Żebbuġ, l-aktar fażi bikrija tal-Perjodu tat-Tempji f’Malta, li tippreċedi saħansitra l-bini tat-tempji megalitiċi.
Skont l-Awtorità tal-Ippjanar (PA), l-evidenza li nstabet tindika l-preżenza ta’ ċimiterju preistoriku magħmul minn mill-inqas tmien oqbra.
L-awtorità qalet li evidenza minn dan il-perjodu hija relattivament rari, u għalhekk is-sit qed jitqies bħala waħda mill-aktar sejbiet importanti marbuta ma’ din il-fażi bikrija tal-preistorja Maltija.
Is-sejba għandha wkoll potenzjal xjentifiku u ta’ riċerka konsiderevoli, hekk kif tista’ titfa’ aktar dawl fuq l-ewwel komunitajiet preistoriċi ta’ Malta u l-prattiċi tad-dfin tagħhom.
Is-sit jinsab ukoll f’żona ta’ sensittività arkeoloġika għolja u jagħmel parti minn pajsaġġ arkeoloġiku protett.
Fuq talba tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH), inħarġet ECO skont l-Artikolu 58 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp sabiex jiġi protett is-sit, li ġie identifikat bħala “heritage at risk”.
Permezz tal-ordni, is-sit se jingħata livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal proprjetà skedata fi Klassi A. Dan ifisser li ma jista’ jsir l-ebda tħaffir, żvilupp jew intervent ieħor sakemm ma jkunx speċifikament awtorizzat mill-PA, b’konsultazzjoni mal-SCH.
L-ordni se tibqa’ fis-seħħ għal 12-il xahar, filwaqt li matul dan il-perjodu l-awtoritajiet se jkomplu jevalwaw l-importanza arkeoloġika tas-sit u jekk hemmx bżonn miżuri ta’ protezzjoni fuq medda itwal.