L-għaqda tal-konsumaturi twissi dwar coperto u service charges fir-ristoranti

L-ACR tgħid li kull tariffa obbligatorja għandha tkun indikata b’mod ċar qabel il-klijent jordna, filwaqt li service charges u tips għandhom jibqgħu volontarji

Ritratt: James Bianchi/MaltaToday
Ritratt: James Bianchi/MaltaToday

L-Assoċċjazzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi f'Malta (ACR) wissiet dwar iż-żieda ta’ coperto u service charges fuq kontijiet tar-ristoranti, u insistiet li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b’mod ċar minn qabel dwar kwalunkwe spiża addizzjonali.

Il-coperto huwa ħlas fiss għal kull persuna, komuni f’ċerti ristoranti Taljani, u tradizzjonalment ikun marbut mal-użu u t-tħejjija tal-mejda, inklużi oġġetti bħal pożati, tazzi, srievet u, f’xi każijiet, ħobż.

Il-kwistjoni kienet tqajmet ukoll mill-eks ministru Laburista Roderick Galdes, li fuq Facebook wissa li s-sistema tal-coperto qed tibda tidħol dejjem aktar fix-xena tar-ristoranti f’Malta.

L-ACR qalet li service charges jew tips għandhom jibqgħu fakultattivi u mhux obbligatorji, anke meta jidhru fuq il-kont.

L-għaqda sostniet li dan huwa aktar importanti fi żmien meta l-konsumaturi qed jiffaċċjaw prezzijiet ogħla, porzjonijiet iżgħar u, f’xi każijiet, livell ta’ servizz li mhux dejjem jilħaq l-aspettattivi.

Filwaqt li rrikonoxxiet li r-ristoranti għandhom id-dritt jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom, l-ACR insistiet li kull ħlas addizzjonali obbligatorju għandu jkun imsemmi b’mod ċar qabel il-klijent jagħmel l-ordni, u mhux jidher biss fl-aħħar fuq il-kont.

“Il-kwalità tal-ikel u l-livell tas-servizz huma parti importanti mill-esperjenza kollha, u l-konsumaturi naturalment jistennew li dawn jirriflettu dak li qed iħallsu għalih,” qalet l-għaqda.

Skont l-ACR, it-trasparenza tfisser li dawn il-ħlasijiet għandhom ikunu indikati b’mod viżibbli fir-reklamar tar-ristorant, fil-bookings online, fil-menus u f’kull display rilevanti.

L-għaqda qalet ukoll li l-konsumaturi Maltin qed isiru dejjem aktar konxji mill-value for money meta jieklu barra, u insistiet li, minkejja l-bidliet fil-prattiki tal-catering, għandu jibqa’ jkun hemm għażla reali ta’ ikel sempliċi, tradizzjonali u affordabbli.

L-ACR fakkret li l-ħruġ għall-ikel huwa parti importanti mill-ħajja soċjali Maltija, kemm jekk f’ristorant, każin tal-banda jew b’ftira ħdejn il-baħar.

“Il-modernizzazzjoni m’għandhiex issir għad-detriment tal-aċċessibbiltà, l-ispiża jew il-karattru,” qalet.

L-għaqda temmet billi appellat lill-awtoritajiet tal-konsumatur biex jimmonitorjaw u jiggwidaw il-prattiki marbuta ma’ dawn il-ħlasijiet, filwaqt li ħeġġet lis-settur tal-catering jagħti prijorità lit-trasparenza, il-ġustizzja u l-għażla tal-konsumatur.

More in Kronaka