Il-Partit Nazzjonalista kkritika lill-gvern talli, aktar minn xahar wara li diversi lokalitajiet intlaqtu minn qtugħ tad-dawl, għadu ma wettaqx il-wegħda tiegħu li jikkumpensa lil dawk li sofrew telf finanzjarju.
“Dan id-dewmien huwa inaċċettabbli, partikolarment għall-self-employed u għan-negozji żgħar u medji li, xahar ilu, kellhom jagħlqu l-bibien, idawru lill-klijenti lura, jitilfu sigħat u jiem ta’ xogħol, jarmu prodotti u ikel u, f’xi każijiet, isofru ħsarat fl-apparat tagħhom,” qal il-PN.
Il-partit qal li minkejja l-wegħdiet tal-gvern, il-formoli li permezz tagħhom dawk milquta jistgħu japplikaw għall-kumpens għadhom ma ġewx ippubblikati, u għalhekk wisq inqas tħallas xi kumpens.
Skont il-PN, dan qed ikompli jpoġġi pressjoni fuq sidien ta’ negozji żgħar u persuni li jaħdmu għal rashom.
Il-partit reġa’ sejjaħ biex tiddaħħal sistema ta’ kumpens awtomatiku, ibbażata fuq kriterji ċari u trasparenti.
Il-PN qal li l-gvern baqa’ jinsisti li l-kumpens ma jingħatax b’mod awtomatiku, iżda permezz ta’ applikazzjoni għal dawk li sofrew qtugħ tad-dawl għal aktar minn sitt sigħat.
“Jekk xahar wara l-gvern għadu lanqas ippubblika dawn il-formoli, kif jistgħu japplikaw in-negozji?” staqsa l-partit.
Il-PN argumenta li kemm il-gvern kif ukoll l-Enemalta diġà għandhom informazzjoni dwar fejn seħħ il-qtugħ tad-dawl u kemm dam, u għalhekk fejn dawn id-dettalji jistgħu jintużaw biex jiġi stabbilit min ġie affettwat, il-kumpens għandu jitħallas awtomatikament jew permezz tal-aktar proċess sempliċi possibbli.
Il-partit qal li dawk li diġà sofrew telf m’għandhomx jerġgħu jiġu mgħobbija b’dokumenti u proċeduri burokratiċi.
“Mhux biżżejjed li l-gvern jgħid li se jagħti kumpens. Il-kumpens irid jasal għand min għandu bżonnu, u għandu jasal immedjatament,” qal il-PN.
Il-partit sostna li l-inqas li jista’ jagħmel il-gvern, wara li naqas milli jiżgura provvista affidabbli tal-elettriku, huwa li jara li l-familji u n-negozji li sofrew telf jiġu kkumpensati b’mod sħiħ, ġust u mingħajr aktar dewmien.
Ix-xahar li għadda, waqt mewġa ta’ sħana, id-domanda għall-elettriku laħqet livelli rekord u wasslet għal qtugħ tad-dawl f’numru ta’ lokalitajiet.