L-awtoritajiet lokali f’Nizza qegħdin jirrifjutaw talba li għamlet il-Pulizija ta’ kontra t-terrur li jitħassru l-filmati u r-ritratti kollha ta’ l-attakk f’Nizza, li nġibdu bil-kameras CCTV.
Skont l-uffiċju tal-prosekutur f’pariġi, it-talba tal-Pulizija ta’ kontra t-terrur saret biex “ikun evitat li stampi u filmati jiġu mxerrda bla kontroll.”
Din it-talba ma niżlitx tajjeb mill-uffiċjali f’Nizza li ħadu passi legali kontra din it-talba, bl-argument li kull stampa u filmat hija evidenza mportanti.
“Din hija hija l-ewwel darba li ġejna mitlubin neqirdu evidenza,” qalet sorsi lill-gazzetta Franċiża ‘Le Figaro’.
L-istess gazzetta rrapportat li l-Pulizija u l-prosekuzzjoni qalu li iridu jeqirdu l-evidenza dwar l-attakk biex jirrispettaw id-dinjità tal-vittmi u biex il-jiħadisti ma jużawx xi filmat għall-probaganda tagħhom.
Iżda l-Gvern Franċiż qala’ ħafna kiritka dwar l-ammont ta’ sigurtà li kien hemm dak in-nhar, b’ħafna rapport jissuġġerixxu li l-filmati tas-CCTV jistgħu juru kif u fejn kienu ppożizzjonati l-pulizija.
Wara l-attakk imdemmi f’Nizza, li ħalla 84 persuna mejta, fosthom 10 itfal, kien hemm ħafna argumenti dwar l-ammont u l-kwalità ta’ miżuri ta’ sigurtà li kien hemm fil Promenade des Anglais fil-mument tal-attakk waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jum il-Bastilja.
Xhieda li kienu fuq il-post waqt l-attakk saġqu li fil-punt minn fejn daħal it-trakk u beda jsuq fuq in-nies, kien hemm biss vettura waħda tal-Pulizija tinblokka l-aċċess.
Avukati li qed jirrapreżentaw il-komun ta’ Nizza resqu talba lill-prosekutur lokali biex il-filmati u r-ritratti tal-attakk jiġu ssekwestrati biex jiġu protetti minn distruzzjoni.